Malta Public Transport

159 vjaġġ aktar bil-karozzi tal-linja kuljum minn Nhar il-Ħadd li ġej

16/07/2016

Nhar il-Ħadd, Malta Public Transport se tkun qed iżżid in-numru ta’ vjaġġi fuq sitt rotot li jagħtu servizz fiċ-Ċirkewwa, Buġibba u Tas-Sliema kif ukoll se tibda’ topera sitt servizzi speċjali msejjħin Tallinja Direct f’dawn il-lokalitajiet u fl-ajruport. B’hekk il-kumpanija ser tkun qed tipprovdi 159 vjaġġ aktar kuljum.

 

Se jkun hemm 23 vjaġġ aktar kuljum fuq ir-rotta popolari 212 bejn Tas-Sliema u Buġibba, li hi waħda mill-aktar rotot frekwentata fil-pajjiż. Minn nhar il-Ħadd se jkun hemm erba’ karozzi tal-linja kull siegħa fuq din ir-rotta minn flok tlieta, il-ġurnata kollha bejn it-08:30 u t-20:30.

 

Ir-rotta 221 ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u Buġibba ukoll se tkun qed tiżdied għal erba’ karozzi tal-linja kull siegħa minn flok tlieta bejn it-08:30 u s-19:30. Aktar minhekk, ser ikun hemm rotta ġdida addizzjonali tat-Tallinja Direct li toffri servizz bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet. Ir-rotta TD6 se topera kuljum kull siegħa bejn il-11:00 u s-13:00 minn Buġibba għaċ-Ċirkewwa u bejn l-16:00 u t-20:00 miċ-Ċirkewwa lejn Buġibba. Dan ifisser li Malta Public Transport se tkun qed topera 31 vjaġġ aktar kuljum bejn iċ-Ċirkewwa u Buġibba.

 

Peress illi ser tiżdied il-frekwena fuq ir-rotot 41 u 41 ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt Valltta, ser ikun hemm sitt karozzi tal-linja kull siegħa minn flok erbgħa waqt il-ħinijiet meta tiżdied id-domanda, li huma bejn it-08:30 u 12:00 u bejn l-16:30 u s-19:30. Dan ifisser li se jkun hemm 21 karrozza tal-linja aktar kuljum fuq dawn ir-rotot.

 

Fuq ir-rotta 222, ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u Tas-Sliema, il-frekwenza ser tiżdied għal erba’ karozzi tal-linja kull siegħa minn flok tlieta waqt il-ħinijiet meta tiżdied id-domanda, li huma bejn it-08:00 u 12:00 u bejn l-16:00 u t-20:00. Żewġ rotot ġodda tat-Tallinja Direct ukoll se jibdew minn nhar il-Ħadd f’dawn il-lokalitajiet. Ir-Rotta TD1, bejn l-Għadira u Tas-Sliema, se topera kuljum b’servizz kull siegħa bejn il-11:00 u s-13:00 minn Tas-Sliema sal-Għadira, u bejn l-16:00 u t-20:00 mill-Għadira sa’ Tas-Sliema. Ir-Rotta TD4, ben iċ-Ċirekewwa u San Ġiljan, se topera kuljum b’servizz kull siegħa bejn l-10:30 u s-13:30 minn San Ġiljan għaċ-Ċirkewwa, u bejn it-15:30 u s-19:30 miċ-Ċirkewwa għal San Ġiljan. Dan ifisser illi b’kollox ser ikun hemm 33 vjaġġ aktar bejn dawn il-lokalitajiet.

 

Se jkun hem ukoll 11-il vjaġġ aktar bejn Tas-Sliema u Għajn Tuffieħa. Il-frekwenza tal-karozzi tal-linja fuq din ir-rotta ser tiżdied mid-09:30, waqt li ser ikun hem rotta tat-Tallinja Direct, TD5, li se topera kuljum b’servizz kull siegħa bejn l-10:30 u s-13:30 minn Tas-Sliema għal Għajn Tuffieħa u bejn l-16:30 u s-19:30 minn Għajn Tuffieħa għal Tas-Sliema.

 

Hemm żewġ rotot oħra ġodda tat-Tallinja Direct li joperaw bejn l-ajruport u Tas-sliema/San Ġiljan u Buġibba/ir-Rabat. Rotta TD2 topera kuljum mill-ajruport lejn Tas-Sliema/San Ġiljan u lura kull siegħa bejn id-09:30 u l-22:30. Rotta TD3 topera kull siegħa fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-09:40 u l-21:40 mill-ajruport lejn Buġibba u tgħaddi mir-Rabat. Seri kun hem 40 vjaġġ kuljum fuq dawn ir-rotot.

 

It-Tallinja Direct huma servizzi speċjali ta’ matul is-Sajf li joffru l-passiġġieramod biex jivvaġġaw f’anqas ħin. Għal min jivjaġġa bl-Explore Card, li tiswa’ €21 u tagħti vjaġġi bla limitu għal ġimgħa sħiħa, m’hemmx aktar spejjeż. Dawk li għandhom tallinja card iħallsu €2.00 għal kull vjaġġ fuq ir-rotot tat-Tallinja Direct, waqt li biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozza tal-linja jiswew €2.50 għal kull vjaġġ.

 

Fuq talba tal-Awtorita tat-Trasport f’Malta, ser ikun hemm ukoll dan it-tibdil fir-rotot:

  • Rotta 58A hija rotta ġdida li se tibda’ topera kull siegħa u tgħaddi minn Triq Psaila f’Birkirkara.
  • Il-frekwenza fuq Rotta 58 (Valletta-Birkirkara) se tinbidel għal kull nofs siegħa waqt ħinijiet meta tiżdied id-domanda u kull siegħa fil-ħinijiet l-oħra.
  • Rotta 103 (Bidnija - Naxxar) se testendi lejn Pembroke Park & Ride u b’hekk ikun hemm konnessjoni bejn Pembroke u Baħar iċ-Ċagħaq u n-Naxxar.
  • Rotta 238 (Mgarr-Mater Dei) se testendi lejn San Ġwann u l-Belt Valletta, b’konessjoni ġdida bejn l-Imġarr u n-Naxxar u li se tipprovdi servizz ġdid lir-residenti tax-Xwieki lejn l-Isptar Mater Dei u l-Belt Valletta.

 

Minħabba dan it-tibdil fir-rotot, il-Journey Planner fuq is-sit publictransport.com.mt, li jinsab ukoll fuq it-tallinja app, m’hux se jkun aċċessibbli għal xi ħin nhar il-Ħadd 17 ta’ Lulju 2016 waqt li jkun qed isir it-tibdil fil-mapep u r-rotot.

 

Back to service updates