Contents
Kundizzjonijiet tal-Ivvjaġġar tal-Malta Public Transport (Operations) Limited (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Malta Public Transport”).
Dawn il-Kundizzjonijiet tal-Ivvjaġġar jistabbilixxu d-drittijiet tal-klijenti, ir-restrizzjonijiet fuq dawk id-drittijiet u l-obbligi bħala wieħed mill-klijenti tagħna. Taħt dawn il-kundizzjonijiet inġorru persuni u l-proprjetà tagħhom, u japplikaw għal kull biljett jew card li aħna nkunu ħriġna..
Il-persuni kollha li jivvjaġġaw bis-servizz tal-karozzi tal-linja pprovdut minn Malta Public Transport (minn hawn ’il quddiem msejħa “aħna”) għandu jitqies li jkun qabel li jkun qed jinġarr skont dawn il-kundizzjonijiet.
Dawn il-Kundizzjonijiet jikkostitwixxu l-ftehim kollu bejn aħna u int. Ebda impjegat tagħna ma hu intitolat li jibdel jew ivarja xi diżposizzjoni ta’ dawn il-Kundizzjonijiet tal-Ivvjaġġar. Aħna nirriżervaw id-dritt li jiġu emendati ċerti kundizzjonijiet f’kull waqt, mingħajr ebda avviż speċifiku.
Il-Wegħda lill-klijenti tagħna
Aħna nagħtu valur lill-klijenti tagħna u nimpenjaw irwieħna li nipprovdu servizz tal-karozzi tal-linja sigur u effiċjenti. Il-karozzi tal-linja tagħna jiġu mnaddfa u ssirilhom il-mantenzjoni meħtieġa b’mod regolari, u huma mgħammra b’sistemi ta’ arja kkondizzjonata għall-aktar kumdità.
Aħna impenjati li nħarsu l-ambjent. Il-karozzi tal-linja tagħna kollha huma mgħammra b’magni tal-aħħar teknoloġija u b’emissjonijiet baxxi. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-karozzi tal-linja huma mgħammra b’magni Euro 6 filwaqt li l-bqija tal-flotta hi mgħammra b’magni Euro 5, b’hekk tassigura l-anqas impatt fuq l-ambjent.
Bħala kumpanija li toffri servizz, aħna nifhmu li l-impjegati tagħna huma l-kontributuri ewlenin għas-suċċess tagħna. Aħna nirrispettaw u nagħtu valur lill-individwalità u lid-diversità ta’ kull impjegat filwaqt li nistinkaw biex nibnu ambjent tax-xogħol pożittiv u apert. Għal din ir-raġuni aħna nħeġġu lill-impjegati tagħna li jiżviluppaw aktar il-ħiliet rilevanti biex ikomplu jimxu ’l quddiem fil-karrieri tagħhom, filwaqt li nipprovdu taħriġ kemm fuq bażi lokali kif ukoll barra minn Malta. Aħna ma nittolleraw ebda forma ta’ diskriminazzjoni/razziżmu jew fastidju sesswali, fiżiku, mentali jew fastidju ieħor fuq l-impjegati u l-klijenti tagħna, kemm jekk mill-impjegati tagħna stess jew mill-klijenti. Aħna nagħtu l-akbar prijorità lis-saħħa u lis-sigurtà tal-ħaddiema u l-klijenti tagħna kif ukoll lis-sigurtà tal-ambjent li jaħdmu fih.
Aħna impenjati li nipprovdu firxa wiesgħa ta’ nollijiet u cards tallinja li huma għall-but ta’ kulħadd u faċli biex jintużaw biex int tkun tista’ tagħmel l-għażla li taqdi aħjar lilek u lill-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tiegħek.
Aħna nemmnu li l-kritika u s-suġġerimenti jgħinuna ntejbu s-servizzi tagħna, għalhekk irridu li l-utenti jħossuhom li jistgħu jipparteċipaw fi djalogu miftuħ mal-uffiċjali tagħna. Qatt mhu se ninjoraw kwalunkwe respons u nimpenjaw irwieħna li nirrispondu għar-respons kollu mill-aktar fis possibbli.
Jekk tixtieq tikkuntattjana, tista’ tagħmel dan permezz tal-paġna tagħna Ikkuntattjana, billi tikkuntattja l-Customer Service Centre tagħna fuq +356 2122 2000 bejn is-07:00 u s-19:00 kuljum. Tista’ tuża dan is-servizz biex tirrapporta, b’mod kunfidenzjali, kull imġiba ħażina minn xi uffiċjali tagħna, jew kwalunkwe aċċident jew emerġenza li jinvolvu waħda mill-karozzi tagħna. Rapporti dwar fastidju jiġu investigati b’mod urġenti u azzjoni xierqa tittieħed mill-aktar fis possibbli.
Limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħna
Aħna nippruvaw li l-vjaġġi tal-karozzi tal-linja kollha tagħna jkunu fil-ħin. Madankollu, xi affarijiet li ma jkunux fil-kontroll tagħna, bħall-konġestjoni tat-traffiku, xogħlijiet fit-toroq, azzjonijiet marbuta ma’ strajks jew kundizzjonijiet tat-temp, jistgħu jaffettwaw il-vjaġġ tiegħek. Se naħdmu ma’ partijiet oħra biex innaqsu l-impatt fuq il-klijenti b’kull mod u mezz li jista’ jkun possibli f’ dak il-ħin.
F’każ ta’ kanċellazzjoni, irtirar, dewmien, devjazzjoni jew tmiem ta’ kwalunkwe servizz, jew f’każ li s-servizz ma jkunx disponibbli għalik minħabba li s-servizz ikun mimli għalkollox jew għal xi raġuni oħra, aħna ma nkunux responsabbli għal kwalunkwe telf, ħsara, spejjeż jew inkonvenjenza mġarrba minnek b’konsegwenza.
Jekk waqfa partikolari mhux se tkun qed tintuża, għal kwalunkwe raġuni, se nwaħħlu avviż mill-aktar fis possibbli li jgħarraf lill-passiġġieri b’dan filwaqt li jindika l-eqreb waqfiet alternattivi. Kwalunkwe tibdil fl-iskedi se jkun preżenti wkoll fuq il-waqfiet rilevanti u fuq is-sit tagħna.
Aħna mhu qed neskludu jew nillimitaw bl-ebda mod ir-responsabbiltà tagħna f’każ ta’ mewt jew tiġrib personali li jirriżulta minn negliġenza tagħna, u ebda drittijiet statutorji tiegħek bħala konsumatur mhu qed jiġu mittifsa.
Imġiba tal-Passiġġieri
Meta tivvjaġġa fuq il-karozzi tal-linja tagħna, int soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
- Aħna nżommu d-dritt li nirrifjutaw li titla’ fuq jew nitolbuk tħalli l-karozzi tal-linja tagħna fi kwalunkwe ħin għal raġunijiet ta’ sigurtà jew minħabba l-imġiba tiegħek. Jekk int ma tobdix din it-talba ta’ xufiera tal-karozza jew ta’ uffiċjal tal-kumpanija, int tista’ titniżżel minnufih mill-karozza mill-Pulizija jew minn uffiċjali awtorizzati ta’ Transport Malta.
- Passiġġier li jikser dawn il-kundizzjonijiet kif ukoll xi regolamenti statutorji oħra, jista’ jkun mitlub jagħti ismu u l-indirizz lil membru tal-persunal. Passiġġieri jistgħu jintalbu jħallu l-karozzi jew il-bini tagħna mix-xufiera tal-karozzi jew mill-persunal tagħna. Passiġġieri jistgħu wkoll jiġu mrażżna milli jitilgħu jew jitneħħew mill-karozzi tal-linja jew mill-bini tagħna minn Uffiċjal tal-Pulizija, fuq talba tagħna, jekk jiksru l-liġi.
- Aħna nistgħu wkoll nikkanċellaw il-biljett u/jew il-card tiegħek mingħajr ebda rifużjoni u nieħdu azzjonijiet oħra li nikkunsidraw bħala meħtieġa biex nipproteġu s-sigurtà, il-benesseri u l-kumdità tal-impjegati tagħna u tal-passiġġieri l-oħra.
Jekk tonqos milli tosserva r-regolamenti statutorji jew dawk stabbiliti f’dawn il-Kundizzjonijiet tal-Ivvjaġġar tista’ tiġi rrifjutat milli tivvjaġġaw jew milli tkompli l-vjaġġ.
B’mod partikolari, bħala passiġġier qatt m’għandek:
- Tpejjep f’ebda ħin u f’ebda parti tal-karozza jew ikollok ebda sigarru, sigarett, e-cigarette, sulfarina jew lighter mixgħula fuq il-karozza tal-linja.
- Tkellem jew taġixxi b’mod abbużiv, thedded jew tagħmel xi ħaga li tista’ tkun ta’ offiża lill-passiġġieri jew persunal oħra. Passiġġieri li fil-fehma tax-xufier jidhru li aktarx għandhom l-intenzjoni li jġibu ruħhom b’mod mhux xieraq jew li jkunu taħt l-influwenza tal-alkoħol, drogi jew solventi, ma jistgħux jitħallew jivvjaġġaw.
- Ħlief f’każ t’emerġenza, tkellem lix-xufier waqt li l-karozza tkun miexja, /strong> jew ittellef lix-xufier minn dmirijietu/ha.
- Tostakola xi ħruġ ta’ emerġenza, id-dħul tal-vettura ħdejn ix-xufier, passaġġi jew postijiet oħra fuq il-karozza tal-linja bi kwalunkwe mod, b’konsegwenza li tpoġġi f’periklu s-sigurtà.
- Twettaq ħsara, tħassar, tħammeġ jew tagħmel użu ħażin minn kwalunkwe tagħmir, apparat jew partijiet oħra mill-vettura, inklużi s-seats u l-postijiet bilqiegħda, jew twaħħal kwalunkwe oġġett jew tarmi xi oġġett mill-karozza.
- Tieħu sehem fi kwalunkwe forma oħra ta’ attività kriminali jew iġorr oġġetti perikolużi jew legalment ipprojbti fuq il-vettura bi kwalunkwe mod.
- Tikkonsma kwalsijasi tip ta’ alkoħol jew ikel jew xorb li jistgħu jagħmlu l-vjaġġi tal-passiġġieri l-oħra mhux pjaċevoli jew li jista’ jkun ta’ offiża.
- Tilgħab jew tħaddem xi tagħmir tal-mużika (inklużi radjijiet jew mowbajls) jew strumenti b’mod li jista’ joħloq inkovenjent lill-passiġġieri oħra./li>
- Tilbes rollerblades, skates, hover-boards jew żraben mhux adatti fuq il-vetturi tagħna għal raġunijiet ta’ sigurtà.
- Tilbes motorcycle helmets, ski masks jew kwalunkwe oġġett bl-intenzjoni li taħbi l-identità tiegħek waqt li tkun fuq il-karozzi tagħna, għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Tħalli tfal żgħar bla superviżjoni fi kwalunkwe punt meta titla’, tinżel jew tivvjaġġa fuq il-karozzi tagħna.
Meta tivvjaġġa fuq il-karozzi tal-linja tagħna, jekk jogħġbok ikkunsidra wkoll li ġej:
- Ix-xufier jista’ jiftaħ il-bibien biss f’postijiet ta’ waqfien indikati.
- Kull meta jkun possibbli, il-passiġġieri għandhom jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja mill-bieb ta’ quddiem u jinżlu mill-bieb ta’ wara.
- Il-bagalji għandhom jitħallew f’post mingħajr ma joħolqu ebda periklu u bla ma jostakolaw il-passaġġ.
- Qatt tkellem jew ittellef lix-xufier waqt li l-karozza tkun miexja.
- Oġġetti perikolużi jew li jieħdu n-nar m’għandhomx jittellgħu fuq il-karozza.
- Aħna mhux se nittolleraw ebda intimidazzjoni jew abbużi fuq xi wieħed mill-impjegati tagħna u se nkunu qegħdin naraw li jkun hemm penali aktar iebsa f’każ li xi ħadd jinstab ħati ta’ mġiba bħal din.
- Il-vetturi kollha huma mgħammra b’sistema ta’ CCTV.
- Timblokkax l-ħruġ ta’ emerġenza..
- Għal kumdità u s-sigurtà tiegħek, il-vetturi tagħna huma mgħammra b’tagħmir tas-saħħa u tas-sigurtà, bħal fire extinguishers, first aid kits u emergency exit hammers. Jekk jogħġbok kun żgur li dan it-tagħmir jintuża biss f’każ ta’ ħtieġa. Kull min jinqabad ibagħbas ma’ tagħmir tas-sigurtà bħal dan jista’ jinstab ħati ta’ reat.
- Toqgħodx bilwieqfa aktar ’il quddiem mil-linja s-safra.
- Ebda fastidju mhu permess fuq il-karozzi tal-linja.
- Tpoġġix saqajk fuq is-seat.
<liGħandek, il-ħin kollu, iġġib rispett lill-passiġġieri l-oħra u lill-persunal tagħna filwaqt li ssegwi kwalunkwe istruzzjoni mogħtija mill-persunal tagħna dwar is-sigurtà u l-kapaċità tal-karozza. Kull karozza għandha d-dettalji dwar in-numru massimu ta’ passiġġieri li hu permess jinġarr u b’liema mod il-passiġġieri jistgħu jinġarru.
- LF’każ ta’ ġarr ta’ gruppi kbar ta’ studenti tal-iskola, għandu jkun hemm adulti responsabbli li jissorveljawhom, u jekk tista’ tgħarrafna bil-quddiem bil-pjanijiet tal-vjaġġ tiegħek inkunu nistgħu nagħmlu l-almu tagħna biex noffru l-għajnuna meħtieġa.
- Għandek tinforma minnufih lil membru tal-persunal f’każ li ġġarrab xi ġrieħi int u tiela’, qiegħed tivvjaġġa, jew nieżel minn karozza.
- Priority seating hu offrut fuq il-karozzi tal-linja kollha għall-użu ta’ persuni b’nuqqas ta’ mobilità, nisa tqal, persuni li jġorru trabi, u anzjani. Int ġentilment mitlub biex tħalli l-post battal biex jintuża minn passiġġieri indikati aktar ’il fuq.
Passiġġier li jikser dawn ir-regolamenti statutorji kif ukoll regolamenti oħra, jista’ jkun mitlub jagħti ismu u l-indirizz lix-xufier jew lil membru tal-persunal. Il-passiġġieri jistgħu wkoll jintalbu jħallu l-karozzi tal-linja tagħna. Barra minn hekk, il-passiġġieri jistgħu wkoll jiġu mrażżna milli jitilgħu jew jitneħħew mill-karozzi tal-linja jew mill-bini tagħna minn Uffiċjal tal-Pulizija, fuq talba tagħna, jekk jiksru l-liġi.
Filwaqt li aħna nagħmlu l-almu kollu tagħna b’mod raġonevoli biex nikkontrollaw l-imġiba ta’ passiġġieri oħra fuq il-karozzi tal-linja tagħna, ma nistgħux ninżammu responsabbli għall-imġiba tagħhom.
Tlugħ, inżul u waqfien
Il-karozzi jieqfu biex itellgħu u jniżżlu l-passiġġieri f’postijiet ta’ waqfien rikonoxxuti, li huma identifikati permezz tas-sinjal ta’ Bus Stop. Jekk tixtieq taqbad karozza tal-linja, għandek tindika b’mod ċar lix-xufier tal-karozza li tkun qed toqrob. M’għandek qatt tipprova titla’ jew tinżel minn vettura li tkun miexja jew wieqfa f’postijiet li mhumiex dawk rikonoxxuti.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-passiġġieri ma jistgħux jaqbdu l-karozza f’post ieħor għajr dawk indikati b’mod uffiċjali li jinsabu fit-terminals tagħna. Ftit qabel il-karozza tasal fuq il-waqfa li fiha tixtieq tinżel, għandek tavża lix-xufier billi tagħfas il-qanpiena darba.
Uħud mir-rotot, bħal dawk indikati bl-ittra “X” u rotot oħra, ma jifqux fuq kull waqfa, għalhekk int mitlub tivverifika liema karozza tieqaf f’dik il-waqfa qabel tipprova twaqqafha.
Nollijiet u biljetti:
Il-passiġġieri li jixtru biljetti mingħand ix-xufiera tagħna għandhom jiżguraw li jinħareġ biljett ġdid mill-magna tal-biljetti, li jaqbel mal-ammont imħallas, u li hu validu għall-vjaġġ. Jekk jogħġbok innota li nollijiet differenti japplikaw għas-servizzi ta’ billejl jew dawk speċjali.
- Il-passiġġieri li jixtru biljetti mingħand ix-xufiera tagħna għandhom jiżguraw li jinħareġ biljett ġdid mill-magna tal-biljetti, li jaqbel mal-ammont imħallas, u li hu validu għall-vjaġġ. Jekk jogħġbok innota li nollijiet differenti japplikaw għas-servizzi ta’ billejl jew dawk speċjali.
- L-utent għandu jkollu ħlas eżatt għan-noll.
- Għandek tiċċekkja l-bqija li tingħatalek u tinforma lix-xufier mal-ewwel f’każ ta’ diskrepanza hekk kif l-iżball ma jkunx jista’ jiġi korrett aktar tard.
- Ix-xufiera ma jaċċettaw ħlasijiet b’ċekk f’ebda ċirkostanza;
- Ħlief fejn hu speċifikat mod ieħor, biljetti, cards jew dokumentazzjoni rilevanti oħra mhumiex trasferibbli mill-persuna li jkunu nħarġu f’isimha. Ma tistax tuża l-istess biljett għal aktar minn persuna waħda matul l-istess vjaġġ.
- Ix-xufiera tagħna jew uffiċjali tal-kumpanija jkollhom id-dritt li jirtiraw il-biljett jew il-card tiegħek f’każ ta’ irregolaritajiet.
Jekk jogħġbok ikkunsidra wkoll dawn li ġejjin:
- Bħala utent li tuża l-card trid tivvalidaha kull darba li titla’ fuq il-karozza. Din hi prova li ħallast – jekk jogħġbok żommha miegħek matul il-vjaġġ kollu;
- Bħala utent li tuża l-biljett, il-biljett tiegħek hu prova li ħallast – jekk jogħġbok żommu miegħek matul il-vjaġġ kollu;
- Għandek iżomm kull biljett li jkun validu għall-vjaġġ tiegħek, jew tallinja card validata li tinħareġ f’ismek jew card mhux personalizzata validata f’każ ta’ ispezzjoni minn wieħed mill-aġenti tagħna matul il-vjaġġ tiegħek. Jekk m’intix f’pożizzjoni li turi dan, jew jekk tkun skadiet, jew ġiet mibdula jew imbagħbsa, jew jekk il-card tiegħek ma tkunx ġiet validata mat-tlugħ fil-karozza, se tinżamm responsabbli u tintalab tħallas noll ieħor tal-vjaġġ flimkien ma’ penali ta’ €50 bil-possibilità li tittieħed azzjoni ulterjuri. Kull passiġġier li jonqos milli jħallas il-penali jkun meqjus ħati ta’ reat. Mhu se tinħareġ ebda rifużjoni f’każ li aktar tard issib il-biljett jew id-dokument nieqes;
- Kwalukwe persuna li tikser dawn ir-rekwiżiti tista’ tara t-talbiet ġejjiena tagħha għall-tallinja card ppersonalizzata rrifjutati. Din id-deċiżjoni tibqa’ fid-diskrezzjoni unika tal-kumpanija.
Aktar tagħrif dwar nollijiet, biljetti u cards jista’ jinkiseb hawn.
Aktar Termini u Kundizzjonijiet tal-cards u għan-nollijiet tas-servizzi japplikaw. Agħfas hawn għal aktar informazzjoni.
Ġarr ta’ Wheelchairs, Buggies u Roti
Għas-sigurtà tiegħek, kemm-il darba l-ispazju jkunu disponibbli u dejjem fid-diskrezzjoni tax-xufier, nġorru wheelchair waħda (mingħajr ebda ħtieġa ta’ assistenza minn terzi persuni) jew sa żewġ buggies, prams u pushchairs fuq il-karozza. Kwalunkwe tagħmir li jagħmel użu minn rampa ma jridx ikun itqal mill-piż limitu indikat.
Il-qisien tal-priority area ġeneralment jippermettu l-ġarr ta’ wheelchair ta’ daqs massimu ta’ 120 ċm tul b’70 ċm wisa’.
Waqt l-ivvjaġġar, buggies, prams, pushchairs, wheelchairs u trolleys tax-xiri għandhom jitpoġġew b’mod sigur fil-low floor area u/jew fil-priority area biex ikunu stabbli u ma joħolqux ingombru jew periklu lill-klijenti oħra.
Ix-xufiera se jagħtuk parir dwar kwalunkwe ċirkostanza li fiha ma jkunx possibbli li jippermettu lill-utenti b’wheelchairs jivvjaġġaw b’mod sigur. Dan jinkludi fatturi marbuta mas-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess, dawk tal-klijent b’diżabilità, kif ukoll tal-passiġġieri l-oħra jew tal-membri tal-pubbliku, jew tal-vettura u t-tagħmir tagħha.
Hi fid-diskrezzjoni tax-xufier li jsaqsi li pushchairs u buggies jingħalqu f’ħinijiet impenjattivi jew li jitlob lill-passiġġieri tal-ispazju indikat biex jersqu fi spazju ieħor fuq il-vettura f’każ li utent b’wheelchair ikun jixtieq jitla’. Il-passiġġieri għandhom jikkoperaw bi sħiħ biex isir użu xieraq mill-priority space, u f’każ ta’ ħtieġa, jitħalla l-post battal biex jintuża minn utenti b’wheelchair.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, roti ma jistgħux jittellgħu fuq il-karozzi tagħna sakemm ma jkunux roti apposta li jkunu jistgħu jingħalqu u jitpoġġew fl-ispazju maħsub għall-bagalji. Ix-xufiera tal-karozzi tal-linja jirriżervaw id-dritt li jirrifjuta roti li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-passiġġieri l-oħra.
Użu ta’ Mobility Scooters u Motorised Wheelchairs
Il-prijorità tagħna hi s-sigurtà tal-passiġġieri tagħna u minħabba limitazzjonijiet marbuta mad-daqs u mal-piż, jista’ ma jkunx sigur jew possibbli li jintużaw il-motorised wheelchairs jew il-mobility scooters kollha.
Sabiex mobility scooters u motorised wheelchairs ikunu meqjusa tajbin biex jivvjaġġaw fuq il-karozzi tagħna jridu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:
- Ikollhom wisa’ massima ta’ 60 ċm;
- Ikollhom tul massimu ta’ 100 ċm;
- Ikollhom turning radius ta’ 120 ċm;
- Ikunu jistgħu jivvjaġġaw b’veloċitajiet ta’ mhux aktar minn 6.4 kilometri fis-siegħa (mobility scooters li jistgħu jivvjaġġaw b’veloċitajiet akbar minn dik indikata se jkun iċċertifikati li jistgħu jivvjaġġaw fuq il-karozzi tagħna biss jekk il-vettura jista’ jkollha l-veloċità tagħha mnaqqsa għal 6.4 kilometri fis-siegħa)
- Ikollhom piż massimu ta’ 300 kilo (passiġġier inkluż)
Biex niffaċilitaw l-użu ta’ mobility scooters u fuq il-karozzi tal-linja tagħna, ikollok bżonn li l-mobility scooter tiegħek ikun iċċertifikat. Dan jista’ jsir billi ssegwi l-punti li ġejjin:
- Niżżel il-formula Application for Mobility Scooter Permit mis-sit ta’ Transport Malta (l-awtorità tal-Gvern li tirregola t-trasport f’Malta) jew minn dik tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD). Tista’ tiġbor ukoll il-formola mill-uffiċċju ta’ Transport Malta f’Sa Maison jew milll-uffiċċju tal-KNPD f’Santa Venera.
- Imla d-dettalji u ehmeż ritratt tal-mobility scooter tiegħek.
- Ibgħat kopja skennjata tal-formula flimkien mar-ritratt (format JPG) b’imejl lil Transport Malta fuq info.tm@transport.gov.mt.
- Ladarba l-formola tiġi pproċessata tirċievi appuntament biex jiġu vverifikati d-dettalji kollha. Ikollok bżonn tieħu miegħek il-mobility scooter tiegħek.
Ladarba jkun ġie ċertifikat li l-mobility scooter jista’ jivvjaġġa fuq il-karozzi tagħna, jinħariġlek permess li jintitolak tivvjaġġa bil- mobility scooter tiegħek.
Dan il-permess jinkludi stiker li jkollha bżonn titwaħħal f’post fejn ix-xufier tal-karozza jkun jista’ jaraha faċilment, preferibbilment fuq il-parti ta’ quddiem tal-iscooter. Din l-istiker tista’ tintuża biss fuq l-iscooter li jkun ġie ċċertifikat.
F’każ ta’ dubju, jekk jogħġbok ikkuntattjana għal aktar għajnuna.
Il-limitazzjonijiet li ġejjien japplikaw f’każ ta’ ġarr ta’ mobility scooters u motorised wheelchairs:
- Mobility scooters li ma jkunux ġew iċċertifikati hekk kif deskritt aktar ’il fuq jistgħu ma jitħallewx jinġarru fuq il-karozzi tagħna.
- Jekk l-ispazju ddedikat għall-utent b’wheelchair ikun ġa qed jintuża minn passiġġier ieħor b’mobility scooter jew wheelchair, ma jkunx possibbli li l-utent bil-mobility scooter jivvjaġġa fuq dik il-karozza.
- Jekk jitqies li l-ġarr tal-iscooter jista’ jkun ta’ tfixkil jew ta’ periklu għall-passiġġieri l-oħra tal-karozza tagħna. Perikli bħal dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati biss, għall-wajers mekkaniċi/elettriċi esposti, ħruġ ta’ likwidi mill-iscooter u oġġetti oħra li jisporġu ’l barra mill-iscooter;
- Jekk jitqies li hemm abbuż jew użu ħażin mill-kundizzjonijiet ta’ trasport tal-Mobility Scooter Permit. Il-Mobility Scooter Permit jista’ jiġi rtirat jekk jiġi identifikat li sar użu ħażin jew li kien hemm abbuż.
Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet li ġejjin meta tuża mobility scooter fuq il-karozzi tagħna:
- Meta titla’ jew tinżel mill-karozza u tkun qed tuża mobility scooter, jekk jogħġbok kun żgur li tidħol jew toħroġ b’wiċċek ’il quddiem, jiġifieri, int u dieħel tkun qed tħares ’il ġewwa filwaqt li int u nieżel tagħti dahrek lill-karozza.
- Ladarba fuq il-karozza, bħala utent ta’ mobility scooter trid tkun żgur li l-iscooter qiegħed fl-ispazju ddedikat lill-wheelchairs u b’dahru mistrieħa mal-backrest;
- Il-mobility scooter għandu jintefa’;
- L-iscooters m’għandhomx ikunu mgħobbija żżejjed (b’oġġetti bħal basktijiet tax-xiri).
Iżżur Malta bl-iscooter tiegħek
Jekk qed tagħmel ħsieb li tuża l-mobility scooter tiegħek matul iż-żjara tiegħek f’Malta, hu rrakkomandat li tapplika għal Mobility Scooter Permit. Niżżel l-applikazzjoni mis-sit indikat aktar ’il fuq u ibgħat l-applikazzjoni tiegħek fuq: info.tm@transport.gov.mt. Jekk jogħġbok ftakar li trid tehmeż mal-imjel tiegħek kopja tar-ritratt (format JPG) tal- mobility scooter li tkun se tuża matul iż-żjara tiegħek flimkien ma’ kopja tal-permess tal-mobility scooter maħruġ f’ismek mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż tiegħek. Hu rakkomandat li l-applikazzjoni tintbagħat mill-inqas 45 jum qabel iż-żjara tiegħek dan biex ikun żgurat li tilħaq tirċievi l-Mobility Scooter Permit tiegħek fil-ħin.
Sostituzzjoni tal- Mobility Scooter Permit
F’każ li l-Mobility Scooter Permit tiegħek iġarrab xi ħsarat jew jintilef, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Transport Malta fuq (+356) 2122 2203 jew billi tibgħat imjel fuq o info.tm@transport.gov.mt.
Il-Mobility Scooter Permit jista’ jiġi rtirat f’każijiet li:
- Meta, b’mod evidenti, il-permess ikun ġie mbagħbas;
- Meta l-permess jintuża fuq mobility scooter ieħor li ma jkunx ġie ċċertifikat;
- Meta, minħabba li l-mobility scooter jkun kopert minn Mobility Scooter Sticker, persuni jaraw li jikru dan it-tagħmir bi skop ta’ qligħ finanzjarju addizzjonali.
Jekk jogħġbok kun af li l-Mobility Scooter Permit ma tiċċertifikax li passiġġier jista’ jivvjaġġa bil-mobility scooter tiegħu fuq karozza tal-linja iżda li l-mobility scooter jista’ jivvjaġġa fuq karozza tal-linja. Għalhekk il-passiġġier jista’ jivvjaġġa biss bl-użu tal-mobility scooter partikolari li hu lliċenzjat.
Bagalji
Għas-sigurtà u l-kumdità tal-klijenti kollha tagħna, nżommu d-dritt li nirrifjuta jew nillimitaw d-daqs u t-tip ta’ bagalji jew oġġetti oħra li tista’ ttella’ fuq il-karozzi tal-linja tagħna. Tista’ ttella’ miegħek bagalji żgħar jew affarijiet oħra fid-diskrezzjoni tax-xufier, sakemm dawn ma jkunux goffi jew ma jkunux ta’ periklu jew ta’ inkonvenjent għall-passiġġieri oħra jew għall-persunal. Int tibqa’ l-ħin kollu responsabbli għat-trasport, l-istabbiltà u l-ġarr b’mod sigur ta’ kull oġġett li ttella’ miegħek, inklużi likwidi jew żebgħa li għandhom jinżammu f’kontenituri ssiġillati u f’boroż adatti.
Tista’ ma titħalliex tivvjaġġa jekk l-ispazju ddedikat għall-ġarr ta’ bagalji jkun ġa okkupat jew jekk, fl-opinjoni tax-xufier, il-bagalji jew l-oġġetti tiegħek jimblokkaw il-passaġġ u l-aċċess għall-ħruġ ta’ emerġenza tal-karozza. Aħna ma nistgħux ninżammu responsabbli għal kwalunkwe telf jew inkonvenjenza li tista’ ġġarrab f’każ li ma titħalliex titla’ minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, jew jekk iġġarrab telf jew ħsara fil-bagalji jew fl-oġġetti l-oħra waqt li tkun fuq il-karozza.
Fl-interess tas-sigurtà tal-passiġġieri, oġġetti jew materjali li jieħdu n-nar jew li jistgħu jkunu ta’ periklu, ma jistgħux jittellgħu fuq il-karozza fi kwalunkwe ċirkostanza; dawn jinkludu batteriji tqal mhux issiġillati u petrol. Madankollu, klijenti li jġorru magħhom ċilindru wieħed tal-ossiġinu jew unit minħabba raġunijiet mediċi personali, jistgħu jivvjaġġaw b’dan it-tagħmir kemm-il darba f’dak il-ħin ikun hemm ċilindru wieħed biss fuq il-karozza. Iċ-ċilindri għandhom dejjem jinżammu u jinġarru skont l-istruzzjonijiet maħruġa minn min ikun forniehom jew iffabbrikhom.
Annimali
Klieb gwida, klieb li jgħinu persuni neqsin mis-smigħ u klieb ta’ assistenza jistgħu jinġarru fi kwalunkwe ħin.
Annimali oħra, li mhux se jkun ta’ periklu jew ta’ inkonvenjent lill-passiġġieri oħra jew persunal, jistgħu jivvjaġġaw fuq is-servizzi tagħna biss jekk jinġarru f’kontenituri jew carriers adegwati u jinżammu f’ħoġor sidhom. Jekk ittella’ xi annimal fuq il-karozza, se tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ħsara, telf jew ġrieħi mġarrba b’konsegwenza tal-preżenza tiegħu fuq il-karozza.
Oġġetti mitlufa
Se nagħmlu l-almu tagħna kollu tagħna, b’mod raġonevoli, biex l-oġġetti li jitħallew fuq il-karozzi tagħna jinstabu u jiġu rritornati lis-sidien.
Jekk issib xi oġġett li mhux tiegħek fuq waħda mill-karozzi tagħna, nitolbuk tagħtih lix-xufier u dan jagħih lil wieħed mid-dipartimenti tagħna.
Jekk tlift xi oġġett fuq waħda mill-karozzi tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana mal-ewwel. Oġġetti li ma jinġabrux fi żmien tmienja u erbgħin (48) siegħa, li ma jkunux jitħassru jew oġġezzjonabbli, jiġu mgħoddija lill-Pulizija minn fejn ikunu jistgħu jinġabru minn sidhom.