Aħna l-operatur tat-trasport pubbliku nazzjonali f’Malta, responsabbli mit-tmexxija tas-servizz tat-trasport pubbliku sa mill-2015.
Bħala parti min-network internazzjonali ta’ kumpaniji tat-trasport, li joperaw f’erba’ kontinenti b’aktar minn 40,000 impjegat, ingawdu minn aktar minn 120 sena esperjenza ta’ ġestjoni effiċjenti ta’ trasport urban kif ukoll ta’ trasport reġjonali, nazzjonali u internazzjonali permezz ta’ karozzi tal-linja, coaches u ferroviji. Il-filosofija tagħna hi li nagħmlu l-aħjar użu possibbli minn din l-esperjenza internazzjonali u naddattawha għall-kuntest lokali fejn inkunu qed noperaw, inkluża Malta.
L-1,300 impjegat tagħna li jieħdu ħsieb 420 karozza tal-linja jipprovdu servizz effiċjenti f’Malta u f’Għawdex li jkopri ’l fuq minn 30 miljun kilometru fis-sena. Fl-2019, ġarrejna madwar 57 miljun passiġġier; żieda sostanzjali fuq is-snin ta’ qabel.
Madankollu, nagħrfu l-isfidi li qed niffaċċjaw u nafu li hemm ħtieġa ta’ aktar xogħol biex niżguraw li l-passiġġieri jkollhom l-aħjar servizz possibbli. Aħna impenjati li ntejbu l-esperjenza ġenerali ta’ min juża s-servizz tal-linja u li nipprovdu mezz ta’ trasport sigur, kredibbli u effiċjenti madwar Malta u Għawdex.
Il-kumpanija tagħna hija ċċertifikata ISO 9001:2015 u IS0 45001:2018.