Il-kumpanija tagħna hi waħda mill-akbar f’Malta, b’aktar minn 1,300 impjegat. It- tim maniġerjali tagħna hu mmotivat, b’taħlita ta’ esperjenza lokali u internazzjonali fl-aspetti varji tat-trasport.
L-esperjenza matul is-snin għallmitna li tim professjonali u motivat hu essenzjali biex nipprovdu servizz tajjeb lill-klijenti tagħna. Għal din ir-raġuni ġa bdejna naħdmu fuq pjan fit-tul biex intejbu l-ambjent tax-xogħol kif ukoll biex intejbu l-esperjenza ġenerali ta’ min juża s-servizz ta’ tal-linja. Dan jinkludi taħriġ aktar professjonali fuq sigurtà, customer experience, u l-ambjent.
Fl-2015, impjegajna ’l fuq minn 500 xufier ġdid. Din kienet sfida kbira iżda essenzjali biex il-kumpanija jkollha l-livell meħtieġ ta’ xufiera biex tipprovdi servizz tat-trasport pubbliku effiċjenti. Ix-xufiera tagħna kollha għaddew minn taħriġ rigoruż biex jiksbu Ċertifikat Internazzjonali ta’ Kompetenza Professjonali .
Matul l-2016 investejna fl-ewwel simulatur tas-sewqan f’Malta. Dan qed ikun ta’ għajnuna fit-taħriġ tax-xufiera tagħna billi jżewweġ taħriġ modern ma’ dak tradizzjonali u jgħin biex tittejjeb l-imġiba ġenerali u l-attitudni meta niġu għal sewqan bla periklu. Dan is-simulatur qed jgħin ukoll biex jingħata taħriġ aktar speċifiku dwar ċirkostanzi li mhux faċli jiġu replikati fit-triq.
Nimpjegaw bosta mechanics professjonali u persuni fil-qasam tal-operat. Dawn huma mħeġġa jiżviluppaw f’xogħolhom permezz ta’ taħriġ pprovdut mill-kumpanija.
Nemmnu li modi differenti ta’ ħsieb jikkumplimentaw lil xulxin u jwasslu għal xogħol aħjar. Għalhekk nagħrfu fid-diversità tan-nies tagħna bħala waħda mill-aqwa riżorsi li għandna u xi ħaġa li għandha tiġi nkoraġġita u sostnuta. Hu għalhekk li nagħmlu l-almu tagħna biex noħolqu kultura ta’ xogħol li tipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd u tiżgura li n-nies jkunu dejjem trattati bl-akbar dinjità u rispett.
Ma nittolleraw ebda forma ta’ diskriminazzjoni, la sesswali, la fiżika u lanqas mentali, u ebda forma ta’ fastidju fuq l-impjegati tagħna, kemm mill-persunal tagħna kif ukoll mill-klijenti. Nagħtu l-akbar prijorità lis-saħħa, lis-sigurtà tal-impjegati u lis-sigurtà tal-ambjent li jaħdmu fih.