COVID-19 FUQ IT-TRASPORT PUBBLIKU
Bħala parti mill-impenn tagħna biex nippromwovu servizz ta' trasport pubbliku b'saħħtu u sigur, Malta Public Transport implimentat bosta miżuri ta' prekawzjoni, wara konsultazzjoni u ftehim mal-awtoritajiet, fid-dawl tas-sitwazzjoni COVID-19 f'Malta.
It-trasport pubbliku huwa servizz essenzjali fil-komunità tagħna. Sewwieqa tal-linja, mekkaniks, elettriċisti, spetturi, u ħafna oħrajn qed jaħdmu ħafna biex jiżguraw li n-nies jistgħu jivvjaġġaw mingħajr periklu madwar Malta u Għawdex. Għalhekk, il-kooperazzjoni ta' kulħadd hija meħtieġa, u n-nies huma ġentilment mitluba li ma jivvjaġġawx jekk iħossuhom morda, u li jsegwu l-proċeduri tal-kwarantina kif indikat mill-awtoritajiet.
Il-miżuri implimentati minn Malta Public Transport skont il-pjan ta’ kontinġenza tagħha huma kif ġej:
1. Passiġġieri jistgħu joqogħdu bil-wieqfa abbord karozzi tal-linja biss fejn hu indikat bis-sinjali.
2. Il-karozzi tal-linja qed jitnaddfu u jkunu iffumigati kull lejl. It-tindif tal-karozzi tal-linja ġie intensifikat bl-użu ta' sustanzi kimiċi minflok deterġenti regolari. Barra minn hekk, il-kumpanija implimentat skeda addizzjonali tat-tindif tal-karozzi tal-linja matul il-ġurnata, speċjalment fiż-żona tal-kabina tas-sewwieq.
3. Il-kumpanija pprovdiet hand sanitizers lill-impjegati kollha li għandhom kuntatt dirett mal-pubbliku, inklużi xufiera tal-karozzi tal-linja, u dawn ġew installati mal-ħajt fil-faċilitajiet kollha tagħna. Huwa rakkomandat li l-passiġġiera għandhom iġorru hand sanitizer personali meta jivjaġġaw b'tal-linja.
4. Ix-xufiera mhux ser jibqaw jagħtu bqija biex jitnaqqas il-kuntatt ta' flus kontanti. Għalhekk, il-passiġġieri huma meħtieġa jipprovdu ħlas eżatt meta jixtru l-biljetti tagħhom.
5. Għandhom jintlibsu maskri waqt li l-passiġġieri jkunu qed jistennew li tasal tal-linja u waqt li jkunu abbord tal-linja. Ix-xufiera għandhom jilbsu maskra tal-wiċċ waqt is-sewqan.
6. F'kull karozza tal-linja ġew installati skrins ta' protezzjoni fil-kabina tax-xufier, sabiex jitnaqqas il-kuntatt u r-riskju.
Malta Public Transport isostni li s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tagħha u tal-passiġġieri tagħha huma prijorità ewlenija. Il-kumpanija se tkompli toħroġ aġġornamenti bil-miżuri li qed jiġu implimentati, skont il-livelli differenti stabbiliti fil-pjan kritiku li ġie kkoordinat mal-awtoritajiet.