Malta Public Transport

The President’s Solidarity Fun Run 2016: Servizz tal-Karozza tal-linja b’xejn għall-parteċipanti

02/11/2016

Malta Public Transport tħabbar li matul it-tmien edizzjoni ta’ ‘The President’s Solidarity Fun Run 2016’ b’risq il-Malta Community Chest Fund, nhar il-Ħadd 6 ta’ Novembru 2016, se tkun qed toffri servizz tat-trasport pubbliku b’xejn  għall-parteċipanti kollha li jkunu lebsin ir-wrist band uffiċjali tal-avveniment.

L-avveniment għandu jibda fl-10.00 b’erba’ punti tat-tluq, li huma r-Rabat, Raħal Ġdid, Santa Venera u l-Università ta’ Malta. Ir-rotot kollha jiltaqgħu  Bieb il-Bombi, fejn dawk li se jattendu jipproċedu lejn Pjazza San Ġorġ għall-finali l-kbira. Sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għal dawk li se jieħdu sehem, is-servizz tal-karozza tal-linja se jkun b’xejn bejn is-07:00 u s-14:00.

“Aħna kuntenti li se nkunu nvoluti fil-fun run ta’ din is-sena għax nemmnu li avvenimenti bħal dawn iġibu l-kommunità tagħna flimkien bil-għan li ngħinu lil dawk fil-bżonn,” iddikjara Daniel Grech id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Wara l-avveniment, nistiednu l-parteċipanti kollha biex imorru lura d-dar permezz tal-karozza tal-linja. Kulma għandhom jagħmlu huwa li juru r-wrist band uffiċjali lix-xufier biex jivvjaġġaw b’xejn.”

Matul il-ħin tal-fun run, il-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt Valletta se tkun magħluqa sakemm il-parteċipanti kollha jidħlu l-Belt. Minflok, il-venda se tkun qed topera minn Triq Sant’Anna. Ir-rotta 122, mill-Belt Valletta, Gwardanġa u l-isptar Mater Dei se tkun sospiża bejn id-09:00 u l-11:30.

Id-devjazzjonijiet kollha li se jkun hemm waqt il-ħin tal-avveniment se jkunu disponibbli onlajn fuq dan il-link: publictransport.com.mt/en/service-updates.

Lura għall-aħbarijiet