Malta Public Transport

Rati orħos fuq il-Valletta Ferry Services bit-Tallinja card

25/09/2017

Il-Valletta Ferry Services u l-Malta Public Transport nedew servizz ġdid fejn kull min għandu t-tallinja card jista’ jieħu vantaġġ minn prezzijiet orħos meta jħallas bil-card tiegħu biex jivvjaġġa bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta u kif ukoll bejn il-Kottonera u l-Belt Valletta.

 

Kien il-Ministru għat-Trasport  u l-Infrastruttura, Dr Ian Borg, li dalgħodu ħabbar din l-inizjattiva fil-preżenza ta’ Mr Adrian Zammit Tabona, Mr Julian Zammit Tabona u Mr Konrad Pulé.

 

Aktar minn 270,000 persuna li għandhom it-tallinja card jistgħu issa jitilgħu fuq il-lanċa u jgawdu għadd ta' benefiċċji li qabel kienu biss jiffaċilitaw l-esperjenza tal-klijent fuq il-karozza tal-linja. Dawn jinkludu ħin tal-imbarkazzjoni iqsar, il-konvenjenza li ma jkollokx għalfejn iġġorr flus kontanti għall-biljetti u, l-aktar importanti, nollijiet orħos.

 

Fil-fatt, permezz tat-tallinja card għall-Adulti, Għawdxin u Studenti, passiġġiera jħallsu biss € 1.30 għal vjaġġ wieħed fuq il-lanċa u b'hekk jiffrankaw € 0.20c. Dawk li għandhom il-‘Concession’ card jew tat-Tfal ser iħallsu biss € 0.45 għal vjaġġ wieħed minflok € 0.50.

 

Ir-rotta 133, li topera fil-Belt Valletta, issa ser tipprovdi servizz bejn il-moll ta’ Marsamxett u dak ta’ Lascaris sabiex b'hekk ittejjeb il-mobilità bejn il-mollijiet u ċ-ċentru tal-Belt Valletta.

 

“It-talinja card toffri vantaġġi lill-klijenti tagħna kull darba li jużawha fuq il-karozza tal-linja, fosthom ħinijiet ta’ stennija iqsar u nollijiet orħos. Grazzi għal dan is-servizz il-ġdid il-klijenti ser ikunu jistgħu jgawdu minn dawn il-benefiċċji anke fuq il-laneċ tal-Valletta Ferry Services” iddikjara Mr Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport.

 

“L-għan tagħna huwa li flimkien mal-operaturi tal-Valletta Ferry Services inkunu nistgħu ntejjbu l-mobilità fi ħdan il-port filwaqt li niffaċilitaw it-trasport għall-klijenti tagħna. Iktar u iktar nies qegħdin jużaw it-trasport pubbliku sabiex jidħlu l-Belt Valletta kemm ħabba l-impjieg tagħhom jew għal skopijiet ta’ divertiment. Dan l-influss huwa mistenni li jiżdied la darba jibdew l-attivitajiet tal-Valleta 2018.”

 

Il-passiġiera jridu jivvalidaw it-tallinja card kull darba li jivvjaġġaw bil-lanċa u n-noll applikabbli jitnaqqas mill-kont tagħhom. Kull min għandu t-tallinja card m’għandux għalfejn japplika għal dan is-servizz u jista’ jibda’ jgawdi minn din l-inizjattiva billi jippreżenta t-tallinja card fuq il-lanċa.

 

“Aħna nemmnu li l-użu tat-tallinja card fuq il-laneċ tagħna, flimkien ma’ nollijiet orħos, għandhom jinċentivaw lil dawk kollha li jridu jivvjaġġaw fil-port jew lejn il-Belt Valleta f’ħames jew tminn minuti. Issa ser tkun aktar faċli u konvenjenti sabiex il-klijenti jagħżlu bejn mezzi tat-trasport differenti , kemm jekk tkunx karozza tal-linja jew lanċa. Li tivvjaġġa fuq il-baħar lejn il-Belt Valletta huwa mod pjaċevoli u effiċjenti kif tasal fid-destinazzjoni li tixtieq,” komplew Adrian Zammit Tabona u Julian Zammit Tabona, Diretturi ta’ Valletta Ferry Service.

 

Għal aktar informazzjoni fuq dan is-servizz ġdid żur is-sit publictransport.com.mt/vallettaferry 

Lura għall-aħbarijiet