Malta Public Transport

Sitt passiġġieri jirbħu ma’ Malta Public Transport

18/08/2016

Valentina Medici Gouder, Nathan Zammit, Roderick Tabone, Marcin Trościańczuk u Raymond Galea huma l-ħames rebbieħa tat-Tallinja Birthday Selfie Competition organizzata minn Malta Public Transport fl-ewwel anniversarju tat-tallinja card. Christian Curmi ukoll rebaħ premju talli kellu l-aktar ritratt popolari fil-kompetizzjoni.

 “Il-klijenti tagħna huma importanti ħafna għalina u kienu huma li għamlu t-tallinja card suċċess,” saħaq Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “Ridna naqsmu s-suċċess tagħna mal-klijenti tagħna u organizzajna din il-kompetizzjoni sabiex nistiednu l-klijenti tagħna biex jiċċelebraw magħna.”

Kull min għandu tallinja card kien mistieden jibgħat ritratt festiv bit-tallinja card biex jidħol biċ-ċans li jerbaħ PlayStation 4, kamera Go Pro jew 50” television. Kien hemm ħafna ritratti kreattivi, b’ħafna minnhom juru kejkijiet, kartolini, kpiepel u tiżjin ieħor.

“Il-ħin tal-vjaġġ naqas bl-introduzzjoni tat-tallinja cards, peress li wieħed m’għandux għalfejn jixtri biljett kull darba li jitla’ fuq il-karozza tal-lnja. Dan huwa eżempju ta’ kif tjieb is-servizz u nirringrazzjawkom tal-lealtà tagħkom u talli tajtu kontribut biex it-tallinja card tkun suċċess,” kompla Pulé.

Waqt dan l-avveniment, Malta Public Transport kellha l-opportunità li tiddiskuti s-servizz tat-trasport pubbliku mar-rebbieħa, li spjegaw l-esperjenza tagħhom. B’xelta ta’ passiġieri differenti, il-kumment li kien komuni kien li kulħadd innota titjib fis-servizz tat-trasport pubbliku f’din l-aħħar sena.

Minbarra l-introduzzjoni tat-tallinja card, matul din is-sena Malta Public Transport żiedet ukoll 176 karozzi tal-linja ġodda, sabiex issa l-flotta hi waħda mill-aktar ġodda u favur l-ambjent fl-Ewropa. Bit-tnehid tat-tallinja app, il-passiġġieri issa jistgħu jaraw informazzjoni fil-ħin dwar is-servizz u jippjanaw il-vjaġġi tagħhom bit-trasport pubbliku. Malta Public Transport kompliet ukoll timpjega u tħarreġ aktar xufiera u impjegati fil-customer care sabiex tiżgura li tkompli toffri l-aħjar servizz possibli lil-passiġieri.

Lura għall-aħbarijiet