Malta Public Transport

Service Dogs Malta Foundation – Trainers Identity Tags

28/12/2017

Malta Public Transport hija kburija li ser tikkolabora mas-Service Dogs Malta Foundation, billi tipprovdi lil din tal-aħħar b’‘identity tags’ għat-trejners tagħha. Dawn it-‘tags’ jagħtu lit-trejners il-possibiltà li jivvjaġġaw b’xejn waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Malta Public Transport tagħmel ħilitha kollha biex taqdi l-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tad-diversi membri tal-pubbliku. Grazzi għal din l-inizjattiva, il-kumpanija qed tappoġġja lis-Service Dogs Malta Foundation fil-ħidma tagħha sabiex tgħin lil persuni li għandhom problemi ta’ smigħ, awtistiċi, marbuta mas-siġġu tar-roti jew dijabetiċi biex jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku.

Joanne Cremona, Public Relations Officer tas- Service Dogs Malta Foundation, stqarret: “Nixtiequ nirringrazzjaw lil Malta Public Transport għal dan il-ġest imprezzabbli ta' għarfien u appoġġ lejn il-ħidma li nagħmlu f'isem il-familji li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw mis-servizz li jipprovdu dawn il-klieb. Huwa imperattiv li l-klieb li qed jitħarrġu jiġu kemm jista’ jkun esposti għal postijiet differenti sabiex ladarba jikkwalifikaw bħala ‘service dogs’ u jiġu mqabbla ma' klijent, ikunu jistgħu jakkumpanjaw lill-‘handlers’ tagħhom kull fejn jixtiequ mingħajr inċident. L-ivvjaġġar fuq il-karozzi tal-linja huwa parti integrali minn dan it-taħriġ u d-disponibbiltà ta’ dawn it-‘tags’ tagħmilha aktar faċli għall-‘handlers’ tal-klieb biex ikomplu bix-xogħol tagħhom ".

“Malta Public Transport hija konxja tal-għajnuna kbira li s-‘service dogs’ jipprovdu lill-individwi bi bżonnijiet speċjali. Dawn l-annimali mħarrġa jżidu l-livell ta' indipendenza filwaqt li jtejbu l-interazzjoni soċjali", żied id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, Daniel Grech. Bħal f'kollaborazzjonijiet oħra li saru matul l-2017, dawn l-identity tags huma indikazzjoni ċara li l-Malta Public Transport tinsab impenjata illi tgħin diversi organizzazzjonijiet li jemmnu fil-viżjoni tal-kumpanija illi jkollha servizz pubbliku aċċessibbli għal kulħadd.

Lura għall-aħbarijiet