Malta Public Transport

Karozzi tal-linja aktar frekwenti f’diversi postijiet minn nhar il-Ħadd

16/09/2016

Malta Public Transport tħabbar li se jkun hemm żieda fil-frekwenza f’erba’ rotot li jservu l-Qrendi, iż-Żurrieq, iż-Żejtun u l-Gudja minn nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru 2016. Se jkun hemm ukoll tibdil f’xi rotot oħra li jservu Buġibba u ċ-Ċirkewwa.

“Sabiex naqgħdu ż-żieda fid-domanda, erba’ rotot fin-Nofsinhar ta’ Malta se jibdew joperaw kull 20 minuta flok kull 30 minuta waqt il-ħinijet li jkun hemm l-atar nies,” spjega Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport.

It-tibdil se jaffettwa s-servizzi li joperaw bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa kif ġej:

Rotta 72 – Il-Qrendi bejn il-05:20 u l-17:00;
Rotta 73 – Iż-Żurrieq bejn il-05:15 u l-16:25;
Rotta 84 – Iż-Żejtun bejn il-05:00 u l-10:25; u
Rotta 88 – Il-Gudja bejn il-05:30 u d-09:30.

Ir-rotot 41 u 42 lejn iċ-Ċirkewwa se joperaw kull 30 minuta matul il-ġurnata kollha. Filwaqt li r-rotta 212 għal Buġibba u r-rotot 221 u 222 għaċ-Ċirkewwa se joperaw kull 20 minuta.

B’effett mill-Ħadd 18 ta’ Settembru, is-servizz Tallinja Direct mhux se jkompli jopera. Is-servizz Tallinja Direct offra konessjoni bejn l-ajruport, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-bajjiet ewlenin. Kien dan li ġab iż-żieda fil-passiġieri f’dan l-istaġun. Matul ix-xitwa, is-servizzi regolari se jkomplu jservu dawn il-lokalitajiet bħas-soltu.

Minħabba t-tibdil fin-network, nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru 2016 il-Journey Planner fuq is-sit publictransport.com.mt u fuq it-tallinja app se jesperjenza perjodu ta’ waqfien sakemm jiġu aġġornati r-rotot u l-mapep.

Lura għall-aħbarijiet