Malta Public Transport

Malta Public Transport tikseb ċertifikazzjoni fis-sigurtà mill-ISO

18/01/2021

Tnaqqis ta’ 50% fl-inċidenti f’sitt snin.

Malta Public Transport bi pjaċir tħabbar li kisbet iċ-ċertifikat għas-saħħa u s- sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO 45001:2018). Din iċ-ċertifikazzjoni tfisser li l-operatur tat-trasport pubbliku jilħaq kriterji internazzjonali stretti u jinvesti b’mod proattiv fi prattiċi tajbin biex jipproteġi l-impjegati u l-passiġġiera.

“Dan huwa suċċess importanti li jirrikonoxxi l-impenn kontinwu tagħna lejn il-ħarsien tal-impjegati u l-klijenti,” spjega Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “Is-saħħa u s-sigurtà huma prijoritajiet għall-kumpanija u aħna kburin li rċivejna din iċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża mill-ISO, grazzi għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna. Permezz ta’ din il-kisba, nittamaw li l-passiġġiera jkunu aktar kunfidenti fl-impenn tagħna lejn is-sigurtà.”

Iċ-ċertifikazzjoni hija parti minn sforz wiesa’ minn Malta Public Transport biex ikun hemm aktar attenzjoni għas-sigurtà. Il-programmi ta’ taħriġ kontinwu offruti mill-kumpanija jkomplu jtejbu l-ħiliet tax-xufiera permezz ta’ korsijiet speċjalizzati u intiżi li jindirizzaw bżonnijiet partikolari. MPT waqqfet ukoll il-programm ta’ Xufiera Avvanzati u l-Premju għas-Sigurtà li jirrikonoxxu lil dawk ix-xufiera bl-aħjar kondotta.

Miżuri effettivi introdotti mill-kumpanija fl-aħħar snin irnexxielhom inaqqsu l-inċidenti bin-nofs sa mill-2016. It-tnaqqis fl-inċidenti huwa konsistenti sena wara l-oħra, grazzi għall-istrateġija tal-kumpanija li tidentifika r-riskji u tindirizzahom minnufih. Minkejja li l-pandemija kienet bla dubju fattur fit-tnaqqis fl-inċidenti matul is-sena li għaddiet, hekk kif l-attività kienet ridotta u naqsu wkoll il-karozzi fit-toroq, il-kumpanija rnexxielha tniżżel in-numru ta’ inċidenti kkawżati minn impjegati b’rata akbar fl-2020.

Bħala parti mill-impenn tagħha, Malta Public Transport tinvestiga il-każi kollha u tanalizzahom mill-qrib biex tkun tista’ tilqa’ għal riskji fil-futur. Minbarra dan, il-kumpanija tagħmel spezzjonijiet ta’ sikwit biex tiżgura li x-xufiera jkunu qed jaqdu dmirijiethom b’mod professjonali, waqt li l-vetturi kollha jiġu ċċekkjati bir-reqqa u proċedura ta’ manteniment darba kull xahar.

Iċ-ċertifikazzjoni għas-saħħa u sigurtà kien akkreditat wara proċess rigoruż ta’ verifika indipendenti. Dan huwa it-tieni ċertifikat mill-ISO għal Malta Public Transport, wara li diġà kisbet l-istandard dinji għall-kwalità (ISO 9001:2015).

 

Lura għall-aħbarijiet