Malta Public Transport

Il-kampanja għas-sigurtà fit-toroq ‘Street Smart 7’ titnieda fi skejjel tal-primarja madwar Malta u

24/11/2021

Bħala parti mill-impenn attiv tagħha biex iżżomm is-sigurtà bħala prijorità, Fundación MAPFRE, b’kollaborazzjoni ma’ Malta Public Transport, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, qiegħda tniegħed il-kampanja Street Smart 7. 

Din l-inizjattiva tinvolvi serje ta’ vidjows li jistgħu jintwerew lil l-istudenti mill-għalliema tagħhom waqt il-lezzjonijiet tal-iskola biex juru l-importanza tas-sigurtà fit-toroq b’mod edukattiv u divertenti. L-iskejjel primarji kollha f’Malta u Għawdex huma mistiedna u mħeġġa biex jieħdu sehem.

Is-Sur Javier R. Moreno Gonzales, Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE Middlesea nieda  b’mod uffiċjali din l-attività. “Fundación MAPFRE bdiet din il-kampanja f’Malta fl-2013 biex tippromwovi miżuri ta’ sigurtà fit-toroq fi skejjel madwar Malta. Ninsabu ferħana li qed inniedu s-sebgħa edizzjoni ta’ dan il-proġett.”

Din il-kampanja se tkun implementata fuq perjodu ta’ tliet snin, u l-inizjattiva ta’ din is-sena se tiffoka fuq suġġetti ta’ sigurtà waqt li persuna tkun passiġġier f’karozza privata, tkun qed timxi jew tkun fuq tal-linja. Dawn il-vidjows huma mmirati għal-tfal li għandhom bejn 5 u 9 snin. Peró, dawn jistgħu jitgawdew ukoll minn tfal li huma ikbar jew iżgħar. 

Dr Francis Fabri, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, laqa’ t-tnedija ta’ din il-kampanja. “It-tfal u l-istudenti huma aġenti tal-bidla ġenwini u huma favur dinja aħjar u iżjed ġusta. Permezz ta’ din il-kampanja, it-tfal jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet interattivi u infurmati waqt li jieħdu gost fl-esperjenza tat-tagħlim tagħhom”. 

“Il-kontribuzzjoni mill-Fundación MAPFRE għal dawn l-aħħar disgħa snin u dawn it-tliet snin li ġejjin se jkunu ta’ sapport għal Transport Malta u l-Malta Public Transport fil-missjoni edukattiva tagħhom biex isostnu l-vjaġġ edukattiv tat-tfal tal-iskola waqt li huma jsiru ċittadini attivi u responsabbli. Dan huwa fil-linja mal-qafas tal-istrateġija edukattiva tal-Ministeru għal Malta 2030,” temm jgħid Dr Francis Fabri. 

Permezz ta’ din l-inizjattiva, it-tfal se jkunu mistoqsija biex jagħżlu bejn żewġ xenarji differenti waqt li naraw lil Mr Safe u l-familja tiegħu jgħaddu minn esperjenzi differenti u familjari. Bid-duo popolari Danusan fl-irwoli prinċipali, nistgħu nqajmu kuxjenza fil-ġenerazzjoni iżgħar dwar is-sigurtà fit-toroq u nħeġġuhom biex ikunu ambaxxaturi tas-sigurtà meta jindunaw li hemm xi ħaġa ħażina. 

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas- Sigurtà fit-Toroq , Pierre Vella, qal “Kellna nieqfu f’daqqa minħabba l-pandemija wara suċċess kbir li esperjenzajna meta morna fi skejjel differenti. Kienet bid-determinazzjoni ta’ kulħadd involut mal-Fundación MAPFRE li din l-inizjattiva setgħet titkompla. Dan il-kunċett huwa innovativ, u l-iskript u l-iffilmjar nħolqu u nġibdu f’Malta, allura l-kunċett għandu aspett lokali. Idea ġdida li nisperaw li tkompli tevolvi fil-futur.”

“Nemmnu li t-tfal jistgħu jagħmlu differenza kbira biex ibiddlu l-attitudni lejn is-sigurtà fit-toroq. Hemm ċans iżjed li t-tfal jisfidaw biex ibiddlu ċertu affarijiet, allura din hija opportunità tajba biex inħalltu l-pjaċir u l-edukazzjoni u nġibu din il-bidla tant mistennija,” qal Konrad Pulé, General Manager fi ħdan il-Malta Public Transport.

Dawn il-vidjows qegħdin jiġu offruti b’xejn. Skejjel li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-kampanja jistgħu jikkontattjaw it-tim tal-Malta Public Transport fuq communications@publictransport.com.mt.

Lura għall-aħbarijiet