24/07/2023
Malta Public Transport qed tħabbar servizzi speċjali ta’ trasport pubbliku għal żewġ avvenimenti popolari tas-sajf – il-Farsons Beer Festival f’Ta’ Qali u l-Għaxaq Music Festival.
Il-Farsons Beer Festival, attivita’ popolari mtella’ fl-atmosfera vibranti ta’ Ta’ Qali, se ssir mis-27 ta’ Lulju sal-5 ta’ Awwissu. Biex tappoġġja lil dawk li se jattendu l-festival fil-vjaġġi tagħhom, Malta Public Transport qed toffri rotot speċjali ta’ trasport bi skeda komprensiva, li tiżgura konnettività għal diversi destinazzjonijiet.
Ir-rotot speċjali li ġejjin ġew maħsuba għall-Farsons Beer Festival:
- Ta' Qali għal Buġibba: Il-karozzi tal-linja se jitilqu kull 60 minuta mit-22:00hrs sas-01:00hrs, b'total ta' 4 vjaġġi. Ir-rotta se tgħaddi mill-Mosta, Burmarrad, u Buġibba.
- Ta' Qali sa San Ġiljan: It-tluq se jsir kull 60 minuta mit-22:00hrs sas-01:00hrs, b'4 vjaġġi b'kollox. Ir-rotta se tgħaddi minn Ħ’Attard, Bypass tal-Imrieħel, Triq Reġjonali, u San Ġiljan.
- Ta' Qali sa Birżebbuġa: Il-karozzi tal-linja se jitilqu kull 60 minuta mit-22:00hrs sa 24:00hrs, b'total ta' 3 vjaġġi. Ir-rotta se tinkludi waqfiet f’Ħ’Attard, Birkirkara, Fleur-De-Lys, Ħamrun, Raħal Ġdid, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, iż-Żejtun, u Birżebbuġa.
L-attivita’ Għaxaq Music Festival għandu lineup inkredibbli, fosthom “The Wailers” fis-27 ta’ Lulju u l-kantant rinomat Taljan Marco Masini mal-band tiegħu fid-29 ta’ Lulju. Biex tiffaċilita l-aċċess għall-Festival, Malta Public Transport organizzat is-servizzi speċjali li ġejjin:
- Tliet karozzi tal-linja addizzjonali fuq ir-Rotta 88 mill-Belt Valletta fis-19:00hrs, 19:30hrs, u 20:00hrs matul iż-żewġt ijiem tal-festival.
- Servizz Speċjali S88 minn Ħal Għaxaq Bus Stop 1653 Telleritu sal-Belt Valletta, bi tluq fl-00:10hrs, 00:25hrs, u 00:40hrs. Ir-rotta S88 se tgħaddi miż-Żejtun, Bulebel, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Marsa Triq Dicembru Tlettax, u l-Belt Valletta.
Is-Servizzi Speċjali huma parti mill-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn li għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu tat-trasport pubbliku. Id-detenturi kollha ta’ Tallinja Card personalizzati għalhekk jistgħu jivvjaġġaw mingħajr ħlas, filwaqt li biljetti ta’ €3 għal kull passiġġier se jkunu disponibbli wkoll għal kull passiġġier li m’għandux Tallinja Card valida.
Ir-rotta S88 għal Għaxaq Music Festival mhix inkluża fl-inizjattiva ta’ trasport pubbliku b’xejn. Dawk li għandhom Tallinja Card jistgħu jibbenefikaw minn rata mnaqqsa ta’ €2.50 meta jħallsu bit-Tallinja Card personalizzata tagħhom, filwaqt li dawk li jagħżlu biljetti fi flus kontanti jistgħu jixtruhom bi €3.00 għal kull passiġġier.
Lura għall-aħbarijiet