11/05/2023
Matul l-avveniment annwali tal-Employee Awards li sar dan l-aħħar, Malta Public Transport irrikonoxxiet il-kisbiet eċċellenti tal-impjegati f’dak li hu sigurtà, u wrew dedikazzjoni u impenn lejn il-valuri korporattivi tal-kumpanija. L-avveniment, li ppremja 90 mill-aqwa impjegat tal-kumpanija, jifforma parti essenzjali mill-promozzjoni u t-trawwim ta’ kultura ta’ prestazzjoni għolja, li hi kritika għas-suċċess tal-kumpanija. L-okkażjoni mmarkat ukoll l-anniversarju ta’ 41 impjegat li ilhom 10 snin mal-Malta Public Transport.
“Bħala Malta Public Transport, nifhmu li l-impjegati tagħna huma l-aktar ass importanti li għandna. Għalhekk ninvestu fl-impjegati tagħna billi nipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp, kif ukoll ambjent tax-xogħol sigur u ta’ appoġġ,” qal Felipe Cosmen, Chairman ta’ Malta Public Transport, waqt li feraħ lil dawk kollha li rċevew premju. “Aħna nemmnu bis-sħiħ li permezz tal-investiment fl-individwi nistgħu nrawmu kultura ta’ eċċellenza, fejn dejjem se ninkoraġġixxu lill-impjegati kollha tagħna biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Nistennew bil-ħerqa li nkomplu naħdmu flimkien biex niksbu riżultati eċċellenti u nagħmlu differenza fil-komunitajiet li naqdu.”
Il-premjijiet kienu jinkludu l-premju tal-Aqwa Sewwieq tal-Linja tas-Sena għal kull waħda mid-depots tal-karozzi tal-linja tal-Furjana, il-Marsa, iċ-Ċirkewwa u Għawdex, is-Servizz Supervisor tas-Sena, u l-premju għall-Istruttur tas-Sena. Premjijiet oħra kienu jinkludu l-Impjegat tas-Sena għal diversi dipartimenti bħal Stores, Workshop, Engineering, Sales u Customer Care. Ingħataw premjijiet għal Above & Beyond, Best Team Player, u Living Our Values. Ingħataw ukoll ċertifikati ta’ rikonoxximent lil 12-il impjegat li ġew nominati diversi drabi minn dipartimenti differenti bħala ġest ta’ apprezzament.
Lura għall-aħbarijiet