Malta Public Transport

Tittejjeb l-esperjenza fuq it-Tallinja App, Malta Public Transport tniedi karatteristiċi ġodda

12/07/2023

Malta Public Transport nediet verżjoni aġġornata tal-app tagħha - Tallinja App. L-app, li tista’ titniżżel mingħajr ħlas, issa tinkludi funzjonijiet ġodda sabiex ittejjeb l-esperjenza għall-klijenti tagħha. Dawn l-aġġornamenti, li għadhom fil-fażi inizjali tal-ittestjar, huma mmirati sabiex jipprovdu pjattaforma aktar aċċessibbli u faċli biex tintuża minn dawk li ta’ spiss jivvjaġġaw b’tal-linja. Fost l-aġġornamenti hemm inkluż ukoll karrateristika ġdida li tippermetti lill-klijenti jaraw jekk il-waqfa jew ir-rotta li ġeneralment jużaw hux qed tkun affettwata minn xi interruzzjoni fis-servizz.

Tallinja App hi meqjusa bħala għodda utli għal persuni li jivvjaġġaw permezz tat-trasport pubbliku u bħalissa għandha mal-95,000 persuna li jagħmlu użu minnha kull xahar. Il-funzjoni ewlenija tagħha hi li tipprovdi informazzjoni dwar il-ħinijiet li fihom jaslu l-karozzi tal-linja. Permezz tal-home page ġdida tagħha, il-klijenti issa jistgħu jaraw liema hi l-eqreb bus stop permezz tal-karatteristika fuq il-mappa. Billi sempliċiment wieħed jagħfas fuq il-bus stop meħtieġa, din se turi r-rotot kollha li jieqfu f'dik il-waqfa, flimkien mal-ħin stmat tal-wasla abbażi tal-lokazzjoni GPS tal-karozza tal-linja li sservi dik ir-rotta partikolari.

Malta Public Transport bħalissa qed tittestja wkoll karatteristika ġdida li biha l-aġġornamenti tas-servizz relatati ma’ tfixkil fis-servizz ikunu viżibbli fuq il-mappa nnifisha. Il-waqfiet tal-karozzi tal-linja li mhumiex qed jiġu moqdija jidhru bil-griż fuq il-mappa u huma akkumpanjati b’sinjal isfar ta’ kawtela. Il-waqfiet tal-karozzi tal-linja li qed jaqdu xi rotot iżda mhux oħrajn juru sinjal isfar ta’ kawtela. Meta tagħżel dawn il-waqfiet, it-twissja oranġjo ta’ “Caution” se tipprovdi deskrizzjoni tal-aġġornament tas-servizz u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali oħra rilevanti għal dik il-waqfa tal-linja.

Jekk il-klijenti jixtiequ jiksbu tagħrif dwar ir-rotta tal-karozzi tal-linja sabiex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom, kull ma jridu jagħmlu hu li jagħżlu l-ikona "bus" u jingħataw direzzjonijiet li bihom jassistu lill-klijenti fil-vjaġġ tagħhom. Il-passiġġieri ta’ Tallinja On Demand issa jistgħu wkoll jibbukkjaw vjaġġ direttament permezz tal-home page, billi jirriservaw posthom fuq vjaġġ u jagħżlu l-punt tat-tluq u d-destinazzjoni tagħhom minn numru ta’ waqfiet tal-karozzi tal-linja li jinsabu fiż-żoni taċ-ċentru u lejn il-port tat-tramunata tal-gżira.

Dawn il-karatteristiċi ġodda jikkumplimentaw il-funzjonalità eżistenti ta’ Tallinja App fejn l-utenti jirċievu notifiki  għal twissijiet ta’ servizz relatati mar-rotot favoriti tagħhom u l-waqfiet tal-karozzi tal-linja. Din il-funzjonalità tippermettilhom jippjanaw il-vjaġġi tagħhom u jirċievu aġġornamenti rilevanti dwar kwalunkwe tfixkil li jseħħ fir-rotot preferuti tagħhom. Il-lista tal-interruzzjonijiet kollha fis-servizz hi disponibbli fuq il-home page, simili għall-verżjoni preċedenti.

L-utenti ta’ Tallinja App huma mistiedna jibagħtu l-feedback tagħhom direttament permezz tal-app nnifisha, billi jibagħtu messaġġ permezz tat-tab “Help Centre” aċċessibbli mill-menu tal-profil.

“Filwaqt li għadna fl-istadji bikrija tat-tnedija, il-feedback kollu mill-klijenti qed jiġi mmonitorjat mill-qrib sabiex jiġu indirizzati b’mod attiv kwalunkwe bug jew kwistjoni li tista’ tinqala’,” qalet Alison Zammit, Tallinja Product Manager. “Aħna impenjati li nkomplu ntejbu t-Tallinja App sabiex ngħinu lill-klijenti sabiex jinqdew min-netwerk tat-trasport pubbliku.”

Tallinja App tista’ titniżżel b’xejn minn Google Play jew mill-Apple Store.

Lura għall-aħbarijiet