12/04/2024
Wara t-talba tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta li saret fid-9 t’April 2024, Malta Public Transport issospendiet dawk il-karozzi tal-linja kollha li ssemmew fil-protest ġudizzjarju b’riżultat ta’ dawk li l-kumpanija tqis li huma allegazzjonijiet foloz li saru fir-rigward tas-sigurtà tal-flotta tal-karozzi tal-linja. B’kollox kien hemm 11-il karozza tal-linja msemmija, li minnhom tnejn ma kinux qed jaħdmu minħabba manutenzjoni regolari.
Id-disa’ karozzi tal-linja l-oħra kollha ġew ittestjati f’faċilità indipendenti tal-ittestjar tal-affidabilità stradali ta’ vetturi (vehicle roadworthiness testing) fil-preżenza ta’ Uffiċjali mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta, u minn impjegati ta’ Malta Public Transport, u l-karozzi tal-linja kollha għaddew mit-test sħiħ tagħhom inkluż it-test tal-brejk, u li l-ebda nuqqasijiet perikolużi ma ġew innutati fl-ebda ħin. Ġew innutati xi ħsarat żgħar u dawn kollha ġew irranġati. Il-karozzi tal-linja għalhekk qed jerġgħu jitpoġġew fis-servizz bl-approvazzjoni tal-Awtorità tat-Trasport.
Il-kumpanija ttenni li ma kellhiex dubju li l-karozzi tal-linja huma tajbin għat-triq, u li għalhekk huwa ċar li l-allegazzjonijiet li saru fit-9 t’April huma foloz, u li l-pubbliku jista’ jserraħ rasu li Malta Public Transport tieħu s-sigurtà tal-passiġġieri, l-impjegati u l-pubbliku b'mod serju.
Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport qal “bħala kumpanija li topera servizz essenzjali bħat-trasport pubbliku, hija r-responsabbiltà tagħna li nuru b’mod trasparenti u ċar li għandna l-proċessi neċessarji fis-seħħ biex niżguraw li l-karozzi tal-linja tagħna jkunu fil-fatt tajbin għat-toroq, u li qatt mhu se jkun mistenni li l-impjegati tagħna jagħmlu kompromess dwar dan il-prinċipju fundamentali.”
Malta Public Transport għal darb’oħra spjegat li minkejja li m’għandha l-ebda obbligu legali jew kuntrattwali, timxi ma’ policies stretti stabbiliti mill-grupp ta’ kumpaniji li tifforma parti minnu, li tinkludi li l-ispezzjoni ta’ kull karozza tal-linja kull 35 jum. Dan isir bħala parti mill-proċess ta’ manutenzjoni preventiva tal-kumpanija li jinvolvu kontrolli differenti minn persunal tekniku differenti li jassiguraw li l-karozzi tal-linja jkunu tajbin u siġuri għat-triq qabel ma jerġgħu lura fis-servizz.
Il-kumpanija skużat ruħha għal xi nuqqas ta’ ftehim ikkawżat minn dan l-avveniment sfortunat, u kkonkludiet billi qalet li jekk xi ħadd ikollu xi dubju jew mistoqsija dwar is-sigurtà tal-flotta tal-karozzi tal-linja tagħha, jista’ jikteb lill-kumpanija fejn jingħata spjegazzjoni.
Lura għall-aħbarijiet