Malta Public Transport

Jinkiser rekord f’April 2023 b'aktar minn 208K passiġġier li jivvjaġġaw f'ġurnata waħda

11/05/2023

Il-Ġimgħa 21 ta’ April 2023 kien rekord assolut b’aktar minn 208,000 passiġġier jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja f’ġurnata waħda. Din hi żieda ta’ 4,500 passiġġier meta mqabbla mar-rekord preċedenti rreġistrat nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru 2019.

5.4 miljun passiġġier vvjaġġaw b’tal-linja matul April 2023, li huwa fuq l-istess livell tax-xahar ta’ qabel. Meta mqabbel ma’ April 2022 u 2019, dan jissarraf f'żieda ta' 41.4% u 13.0% rispettivament.

Matul April 2023 'il fuq minn 4.2 miljun passiġġier użaw it-Tallinja Card tagħhom biex jivvjaġġaw li tirrappreżenta żieda ta' 31.7% meta mqabbla mal-2019, b'madwar 6,000 reġistrazzjoni ġdida tat-Tallinja Card.

“Matul April, ġarrna l-ogħla numru ta’ passiġġieri tal-linja f’ġurnata waħda, sa mill-bidu tal-operat tagħna,” qal Konrad Pulé, il-Maniġer Ġenerali ta’ Malta Public Transport. “Filwaqt li dan in-numru rekord ta’ passiġġieri tal-karozzi tal-linja huwa sinjal pożittiv, nemmnu li nistgħu niġbdu saħansitra aktar passiġġieri billi nimplimentaw miżuri li jagħmlu l-ħinijiet tal-vjaġġi bit-trasport pubbliku iqsar u aktar attraenti. Nistennew bil-ħerqa diskussjonijiet kontinwi mad-diversi stakeholders f’dan ir-rigward.”

Biex tilqa’ għad-domanda dejjem tikber tal-passiġġieri, wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet, għaddejjin pjanijiet biex tiżdied il-frekwenza fuq numru tal-aktar rotot traffikużi fil-ġimgħat li ġejjin.

Lura għall-aħbarijiet