Kif Taħdem it-tallinja card

It-tallinja card hi card contactless personaliżżata li tagħti l-faċilità lill-klijenti tagħna li jagħmlu top up ta’ kwalunkwe ammont ta’ flus fuqha. Din il-card tista’ tintuża biex tivvjaġġaw fuq il-karozzi tal-linja kollha f’Malta u f’Għawdex.

Hi personalizzata għax tista’ tibbenefika minn nollijiet imraħħsa, skont il-kategorija ġaladarba hemm nollijiet differenti għall-adulti, l-istudenti, it-tfal, persuni li għandhom il-Kartanzjan, Special ID Card u residenti f’Għawdex. Għalhekk ma tistax tissellef.

Ix-xufier u l-ispettur għandhom id-dritt li jitolbu lill-passiġġier biex juri t-tallinja card tiegħu biex jivverifika l-isem u r-ritratt. Penali ta’ €50 tapplika f’każ li persuna tinqabad tuża’ card ta’ ħaddieħor.

Kif tuża t-tallinja card

Malli tirċievi t-tallinja card tiegħek tkun tista’ tagħmel top up b’aktar kreditu għall-vjaġġi fuq is-servizz tal-karozzi tal-linja tagħna. Għall-istruzzjonijiet dwar kif tista’ tagħmel top up agħfas hawn.Dan jista’ jsir permezz tal-għażliet li ġejjin:

•Billi żżur top up u tħallas bi Credit/Debit Card jew top up voucher
•Billi tixtri top up voucher minn wieħed mill-bosta ħwienet u tittoppja bit-telefown tiegħek
•Billi żżur xi fergħa tal-MaltaPost u tittoppja bi flus kontanti
•Billi żżur xi wieħed mill-ħwienet tagħna u tittoppja bi flus kontanti jew bi Credit/Debit Card

Meta tittoppja kun żgur li ddaħħal in-numru tal-klijent korrett. Jekk isir żball u ddaħħal in-numru ta’ klijent ieħor minflok tiegħek, aħna mhux responsabbli għal kwalunkwe rifużjoni.

Meta titla’ fuq karozza tal-linja żomm it-tallinja card tiegħek qrib u għaddiha minn fuq il-magna tal-biljetti ħdejn ix-xufier. Meta tagħmel hekk, kun żgur li l-bozza tixgħel aħdar u li tisma’ ħoss. Dan ifisser li l-card tkun ġiet validata u aċċettata u tista’ tkompli timxi lejn in-naħa ta’ wara tal-karozza u ssib post.

F’każ li l-bozza tixgħel aħmar u tisma’ ħoss differenti jkun ifisser li l-card ma ġietx aċċettata jew validata, b’hekk ikollok tixtri biljett biex titla’ fil-karozza. Jekk tonqos milli tivvalida l-card jew milli jkollok biljett validu, tista’ ġġarrab penali.

Meta tivvalida l-card tiegħek, in-noll imnaqqas mill-kreditu tiegħek jiddependi fuq numru ta’ fatturi, l-aktar wieħed ewlieni hu dak tat-tip ta’ card li għandek, jekk hux Adult, Concession, Student jew xi tip ieħor. Il-capping jiġi kkalkulat għall-użu tas-servizzi ta’ binhar. In-nollijiet tas-servizzi ta’ billejl jitnaqqsu wkoll mill-kreditu tiegħek iżda huma esklużi għal fini ta’ capping.

Il-capping jippermettilek li ma tonfoqx aktar minn ammont partikolari għal perjodu ta’ żmien speċifiku. Jeżistu livelli ta’ limitu differenti skont it-tip ta’ card. Meta l-ammont tal-capping jintlaħaq għal perjodu ta’ żmien partikolari, skont it-tip ta’ card, il-kreditu tiegħek ma jibqax jitnaqqas meta tivvalida t-tallinja card.

Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-capping tista’ tinstab hawn.

Liema noll għandi nagħżel?

It-tallinja card hi card intelliġenti li tiżgura li int tħallas l-irħas noll il-ħin kollu. Jekk, pereżempju, tivvjaġġa regolarment, ibqa’ ċert li mhux se tħallas aktar minn €26 fil-istess xahar kalendarju (jew €21 f’każ ta’ tallinja card għall-Istudenti), esklużi s-servizzi ta’ billejl. F’każ ta’ tallinja card għall-persuni li għandhom il-Kartanzjan jew tfal bejn l-4 u l-10 snin, is-sistema mhux se ġġagħlek tħallas aktar minn €0.50 50 fl-istess ġurnata, jew €2.00 fl-istess ġimgħa kalendarja, irrispettivament minn kemm-il darba użajt it-tallinja card tiegħek (bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ billejl).

Dawk li jixtiequ jużaw il-card tagħhom għal servizzi ta’ billejl se jħallsu €2.50, minflok €3.00 (in-noll mħallas direttament fuq il-karozza). Madanakollu l-ħlas ta’ servizzi ta’ billejl ma jitqisx bħala parti milll-capping, għal kull tip ta’ card.

Kif nista’ niċċekja l-bilanċ tiegħi fuq it-tallinja card tiegħi?

Tista’ tiċċekkja l-bilanċ tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tagħfas hawn.

Il-bilanċ fuq it-tallinja card tiegħek jidher ukoll fuq il-magna tal-biljetti tal-karozza tal-linja kull darba li tuża t-tallinja card tiegħek..

Għal aktar informazzjoni dwar it-tallinja card, jekk jogħġbok aqra t-Termini u Kundizzjonijiet