Malta Public Transport

Rotta ġdida X300

16/09/2020

Rotta ġdida miċ-Ċirkewwa għall-Belt

Malta Public Transport introduċiet rotta diretta ġdida bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt, b’waqfiet fl-Imsida. Rotta X300 se tibda topera minn nhar il-Ħamis 1 ta’ Ottubru u l-vjaġġi se jkunu jaqblu mal-iskeda tal-vapur ta’ Għawdex u l-istudenti u l-ħaddiema li jaqsmu kuljum lejn Malta issa għandhom servizz konvenjenti u ekonomiku biex jaslu dirett l-Università, il-Junior College, u l-Belt Valletta.

Se jkun hemm ħames vjaġġi filgħodu u ħamsa wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bl-esklużjoni tal-festi pubbliċi. Rotta X300 tagħmel waqfiet fl-Iskate Park quddiem l-Università u fuq il-waqfa ‘Kulleġġ’ tal-Imsida qabel tasal fil-venda tal-Belt.

Il-vjaġġi ta’ filgħodu jitilqu ftit wara il-wasla tal-ewwel vapuri minn Għawdex:

  • 06:35
  • 07:05
  • 07:35
  • 08:05
  • 08:50

Il-vjaġġi ta’ wara nofsinhar jitilqu mill-Belt fid-direzzjoni opposta fil-ħin biex il-passiġġiera jilħqu il-vapuri lura lejn Għawdex:

  • 15:00
  • 15:45
  • 16:15
  • 16:45
  • 17:15

In-noll għall-istudenti u dawk li għandhom Gozo Tallinja Card huwa ta’ €0.75 kull vjaġġ waqt li dawk li jħallsu permezz tat-Tallinja Card jħallsu €2.50 kull vjaġġ. Passiġġiera li jużaw 12 Day Journey Card jitnaqqsulhom żewġ vjaġġi mill-kreditu tagħhom, ekwivalenti għal €2.50. Il-biljetti jistgħu jinxtraw ukoll minn fuq il-karozza tal-linja għall-prezz ta’ €3.00. Dawk li jużaw l-ExplorePlus Meep Card ma jħallsu xejn. Dan is-servizz mhux applikabbli għall-Explore Adult Card, Explore Child Card u l-Valletta Card.

Ir-rotta ġdida X300 qed tiġi varata wara konsultazzjoni mal-Għaqda tal-Istudenti Għawdxin (GUG) u l-Assoċjazzjoni ta’ Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM).

Back to service updates