Malta Public Transport

Tnedija tat-tallinja card għat-tfal ġdida

17/10/2017

Malta Public Transport nidiet disinn ġdid għat-tallinja card għat-tfal matul ċerimonja ta’ premjazzjoni għat-Tallinja Drawing Competition li saret fil-Kulleġġ San Benedittu fiż-Żurrieq, ippreżentata minn Danusan.

Il-card il-ġdida tinkludi t-tpinġija rebbieħa ta’ Anthea Mamo, li ntagħżlet fost aktar minn 400 tpinġija ta’ studenti f’Malta u Għawdex ta’ bejn 5 u 10 snin. Anthea Mamo esprimiet b’entużjażmu li kienet kuntenta ħafna illi t-tpinġija tagħha kienet ser tidher fuq it-tallinja card għat-tfal il-ġdida, hekk kif il-ġenituri tagħha dehru kburin b’binthom.
Minbarra li t-tpinġija rebbieħa tagħha ġiet stampata fuq it-tallinja card għat-tfal, Anthea rebħet ukoll premijiet sbieħ, fosthom sena ta’ trasport b’xejn fuq il-karozzi tal-linja, set tal-arti, Maxi Micro scooter kif ukoll 3D Printer għall-iskola li fiha tattendi.

“Kien unur għall-iskola tagħna talli ospitat din l-attivita` sabiħa fejn l-istudenti rebbieħa ġew premjati għall-inpenn artistiku tagħhom,” sostna s-Sur Paul Sammut, is-surmast tal-Kulleġġ San Benedittu.
Ingħataw ukoll premijiet lil Faye Galea minn St. Dorothy’s Junior School ta’ Ħaż-Żebbuġ u lil Kirsten Azzopardi mill-iskola ta’ St. Joseph tal-Blata l-Bajda li ġew it-tieni u t-tielet rispettivament. Dawn iż-żewġt itfal ribħu Maxi Micro Scooter u 3D Printer għall-iskola tagħhom.

“Nirringrazzjaw lit-tfal kollha li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni,” kompla Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, li żied jgħid illi l-kumpanija kienet sorpriża bir-ripons tajjeb f’din il-kompetizzjoni tat-tpinġija u irringrazzja l-iskejjel tal-kollaborazzjoni tagħhom.

Malta Public Transport ħabbret ukoll li ser tniedi kampanja msejjħa Road Safety Trip, fejn studenti ser ikollhom l-opportunità illi jivvjaġġaw fuq karozza tal-linja u jipparteċipaw fi preżentazzjoni interattiva dwar is-sigurtà fit-triq. Bħala parti mill-ħidma tagħha biex tippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku, Malta Public Transport ser tkun ukoll qed toffri tallinja cards ġodda għat-tfal b’xejn lill-ewwel 3000 student ta’ skejjel primarji li jipparteċipaw fir-Road Safety Trip u japplikaw għal Tallinja card permezz tal-iskola tagħhom.

Back to service updates