Malta Public Transport

Night Route N13

Ir-Rotta ta’ Billejl għal San Ġiljan se tkompli minn nhar il-Ġimgħa

Malta Public Transport se terġa’ tibda topera r-rotta ta’ billejl N13 bejn San Ġiljan u l-Belt, b’effett mill-Ġimgħa 24 ta’ Lulju, 2020. Din se tkun l-ewwel rotta ta’ billejl li se terġa’ tiddaħħal minn mindu s-servizz ta’ billejl ġie sospiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

N13 topera matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, b’karozzi tal-linja li jitilqu mill-Belt Valletta u minn San Ġiljan kull 20 minuta, b’waqfiet f’Tas-Sliema, il-Gżira, l-Imsida, Tal-Pietà, u l-Floriana.

L-ewwel karozza tal-linja lejn il-Belt titlaq minn San Ġiljan fil-23:30 u l-aħħar waħda toħroġ fis-02:30. Fid-direzzjoni opposta, l-ewwel karozza tal-linja titlaq mill-Belt għal San Ġiljan fil-23:10 u l-aħħar waħda toħroġ fis-01:50.

In-noll regolari se jibqa’ japplika: €2.50 għal min juża Tallinja Card u €3.00 għal dawk li jixtru l-biljetti tagħhom fuq il-karozza tal-linja. Dawn tal-aħħar huma mfakkra li għandhom joħorġu l-flus bl-eżatt għaliex ix-xufiera ma jistgħux jagħtu bqija lura biex kemm jista’ jkun jitnaqqas il-kuntatt.

Wieħed jista' jibbenefika minn ivvjaġġar bla limitu meta tintuża l-Explore Card jew ExplorePlus Meep Card. It-12 Single Day Journeys Card hija wkoll aċċettata fuq din ir-rotta, fejn jitnaqqsu żewġ vjaġġi, ekwivalenti għal €2.50.

Aktar informazzjoni tinsab fuq publictransport.com.mt.