Malta Public Transport

Tallinja Bike issa f’Għawdex

10/12/2020

Malta Public Transport inawgurat l-ewwel stazzjonijiet għal Tallinja Bike f’Għawdex, installati ħdejn it-terminal tal-vapur fl-Imġarr u fil-venda tat-trasport pubbliku fir-Rabat. Il-kumpanija qed tippjana li tkompli tespandi s-servizz fil-gżira permezz ta’ aktar stazzjonijiet f’lokalitajiet ġodda matul ix-xhur li ġejjin.

Tallinja Bike hija sistema ta’ bike-sharing li topera minn u lejn numru ta’ stazzjonijiet apposta. Wara reġistrazzjoni ta’ darba, il-konsumaturi jistgħu jiġbru rota minn kwalunkwe stazzjon u jsuqu sal-eqreb stazzjon tad-destinazzjoni tagħhom.

“Wara li ġew installati l-ewwel tmien stazzjonijiet f’Malta, il-pass li jmiss għalina kien li nestendu s-servizz f’Għawdex. Permezz taż-żewġ stazzjonijiet f’postijiet strateġiċi bħalmu huma l-Imġarr u r-Rabat qed ngħaqdu l-port maċ-ċentru t’Għawdex. Il-klijenti tagħna issa jistgħu mhux biss jesploraw il-gżira ta’ Għawdex b’mod konvenjenti, nadif u sostenibbli permezz tar-roti elettriċi, iżda wkoll jivvjaġġaw faċilment minn u lejn il-vapur,” spjega Alan Azzopardi, Services Manager ta’ Tallinja Technologies Ltd.

Is-sistema konvenjenti u mingħajr emissjonijiet hija ideali għal vjaġġi qosra u, grazzi għall-mutur elettriku, ir-roti jitilgħu tlajja’ mingħajr sforz ta’ xejn.

Sa qabel il-bidu tal-pandemija il-klijenti reġistrati ta’ Tallinja Bike kienu qed jiġġeneraw medja ta’ 25 vjaġġ fil-ġimgħa.

Is-servizz ma’ jitlob l-ebda ħlas ta’ reġistrazzjoni jew abbonament fix-xahar u r-rata bażika tibda minn €1.50 għall-ewwel nofs siegħa għal dawk li jużaw Tallinja Card personalizzata filwaqt li min iħallas permezz ta’ ExplorePlus Meep Card għandu l-ewwel żewġ vjaġġi b’xejn. Il-metodu ta’ ħlas jintgħażel meta ssir ir-reġistrazzjoni.

Introdotti fl-2018, l-istazzjonijiet ta’ Tallinja Bike llum jinsabu f’żoni strateġiċi madwar il-Belt Valletta, il-Park & Ride tal-Furjana, il-Park & Ride ta’ Pembroke, l-Università ta’ Malta, u issa f’Għawdex.

Lura għall-aħbarijiet