Malta Public Transport

Soluzzjoni ta’ Park & Ride għall-istudenti tal-Università Malta Public Transport tintroduċi servizz

28/09/2018

Malta Public Transport qed tniedi servizz ġdid ta’ shuttle-bus għall-Università ta’ Malta mill-Park & Ride ta’ Pembroke. B’parkeġġ limitat fiż-żona tal-Università, il-Malta Public Transport qed tintroduċi ir-rotta ġdida speċjali TD 17: Pembroke – University (Park & Ride) li se tibda topera mal-ftuħ tas-sena akkademika fl-ewwel ta’ Ottubru 2018.

“Din hija soluzzjoni alternattiva u vijabbli għall-istudenti, u ninsabu kuntenti li qed noffru dan is-servizz innovattiv,” qal Daniel Grech, Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Ir-rotta l-ġdida se tħalli mpatt pożittiv fuq it-traffiku fit-toroq kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-parkeġġ fiż-żoni ta’ madwar l-Università.”

Is-sur Grech qal li Malta Public Transport hija impenjata  lejn trasport b’modalità varja illi ssarraf f’mobilità aktar effiċjenti għall-passiġġieri waqt li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal ambjent iżjed nadif. “Malta Public Transport ikkunsidrat is-siegħat moħlija li l-istudenti jakkumulaw fi tfittxija għal parkeġġ, u l-konsegwenzi negattivi li dan iħalli fuq il-kwalità tal-arja f’din il-parti ta’ Malta.”

Wara diskussjonijiet ma’ Malta Public Transport, il-Kunsill Studenti Universitarji laqa’ dan is-servizz ġdid li se joffri alternattiva konkreta għall-użu privat tal-karozzi. KSU tinkoraġġixxi din l-inizzjattiva u trid kompli l-kollaborazzjoni sabiex is-servizz ikun jista’ jespandi fil-futur. Intant, il-Kunsill qiegħed jindirizza l-problema tat-trasport u parkeġġ fl-Università billi jipproponi diversi modalitajiet alternattivi fosthom carpooling, car-sharing, l-użu ta’ pedelecs, roti, u muturi.

Carla Galea, President ta’ KSU qalet: “Dan il-proġett jaqbel kompletament mal-viżjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji li jiġu provduti modi alternattivi ta’ trasport lejn u mill-Università għall-istudenti kollha. Aħna se nagħmlu dak li hemm bżonn sabiex din l-inizzjattiva tikseb l-għarfien sħiħ matul is-sena akkademika, u ninkoraġġixxu lill-istudenti biex jużaw dan is-servizz ġdid.”

Rotta TD 17 se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minn Pembroke P&R direttament lejn Qroqq, qrib l-Iskate Park tal-Imsida. Il-vjaġġi jitilqu kull 15-il minuta bejn is-07:00 u s-18:00 – bil-frekwenza tinbidel għal kull 30 minuta, minn l-10:30 san-12:30.

Bħar-rotot l-oħra fis-sistema Tallinja Direct, it-tariffi huma ta’ €1.50 għal passiġġieri li jużaw it-Tallinja Card u €3.00 għal min jaqta’ biljett fuq il-karozza. Il-vjaġġ jiswa żewġ krediti jekk tintuża 12 Single Day Journeys Card, ekwivalenti għal €2.50.

Matul l-ewwel tliet xhur tar-rotta se jiġu analizzati id-domanda u x-xejriet fl-użu tas-servizz. Il-perjodu ta’ prova se jibqa’ sejjer sal-aħħar tas-sena 2018.

Lura għall-aħbarijiet