Malta Public Transport

ll-Ġimgħa l-oħra vjaġġaw b’tal-linja miljun passiġġier

19/08/2016

Tkompli tiżdied il-kunfidenza fis-servizz tal-karozzi tal-linja hekk kif Malta Public Transport tilħaq rekord ġdid matul it-tieni ġimgħa ta’ Awwissu. Total ta’ miljun passiġġier ivjaġġaw b’tal-linja bejn it-Tnejn 8 u l-Ħadd 14 ta’ Awwissu. Sissa, din kienet l-iktar ġimgħa inpenjattiva ta’ din is-sena.

 

“Qed nesperjenzaw tkabbir sod fin-numru ta’ passiġġieri li qed jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja tagħna, u għalhekk qed nimplimentaw miżuri ġodda li jindirizzaw din iż-żieda fid-domanda għas-servizz tal-karozzi tal-linja,” qal Konrad Pulé, il-General Manager ta’ Malta Public Transport. “Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lit-tim tagħna għall-isforz li jagħmel partikolarment waqt dawn iż-żminijiet l-iżjed inpenjattivi.”

 

Ix-xahar li għadda, Malta Public Transport żiedet il-frekwenza ta’ sitt rotot li jaqdu l-akkwati taċ-Ċirkewwa, Buġibba u Tas-Sliema u bdew sitt servizzi speċjali ġodda msejjħa Tallinja Direct, f’dawn l-akkwati flimkien mal-ajruport, b’żieda ta’ 160 vjaġġ kuljum.

 

F’sena waħda biss, Malta Public Transport żiedet il-flotta minn 260 għal 400 karozza tal-linja, b’hekk din il-flotta hija issa waħda mill-aktar moderni u favur l-ambjent fl-Ewropa. Qed isir ukoll sforz kontinwu biex jiġu mpjegati aktar xufiera, bin-numru ta’ xufiera jirdoppja għal aktar minn 1,000, bil-maġġoranza tagħhom ikunu Maltin. Is-sistema tat-tallinja card kienet waħda ta’ suċċess u permezz tat-tallinja app il-klijenti jistgħu ikunu jafu l-ħin attwali ta’ meta tasal tal-linja bl-użu tal-ismartphones.

 

“L-għan tagħna huwa li nagħmlu l-ivjaġġar aktar faċli u aħjar għal passiġġieri tagħna,” żied Pulé. “L-investiment f’karozzi tal-linja ġodda, teknoloġija diġitali u l-użu ta’ smart ticketing qed irendi għaliex jidher li l-kunfidenza fis-servizz qed tkompli tikber. Aħna ser inkomplu nisimgħu x’għandhom xi jgħidu l-klijienti tagħna sabiex ninkoraġġixxu aktar nies biex jużaw il-karozza tal-linja.”

 

 

Lura għall-aħbarijiet