Malta Public Transport

Tnediet Karozza tal-linja Ġdida għall-Valletta 2018

22/01/2018

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, illum nieda karozza tal-linja ġdida li se tivvjaġġa fuq ir-Rotta 133 – ir-Rotta Ċirkulari tal-Belt Valletta. Dan huwa r-riżultat t’investiment ta' €120,000 magħmul minn Malta Public Transport. Il-karozza tal-linja l-ġdida ser tibda topera eżatt qabel il-ftuħ ta’ Valletta 2018 – Il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-karozza tal-linja ġiet ippreżentata fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Belt Valletta 2018 Deo Debattista, is-Sindku tal-Belt Valletta, Prof Alexei Dingli, il-General Manager tal-Malta Public Transport Konrad Pulé u d-Direttur tad-Diviżjoni tat-Trasport tal-Grupp Julio Tironi.

Il-karozza tal-linja l-ġdida hija mgħammra b’xażi ta’ Mercedes u ġiet iddisinjata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-belt kapitali. Din il-karozza tal-linja tista’ ġġorr 25 passiġġier. Hija karozza tal-linja ‘low ground’ u għalhekk se ttejjeb l-aċċess għall-belt kapitali għal dawk li jużaw is-siġġu tar-roti u passiġġieri oħra li għandhom problemi ta’ mobilità. Il-karozza tal-linja toffri wkoll punti tal-iċċarġjar tal-USB ħdejn is-‘seats’- il-passiġġieri jistgħu għalhekk jiċċarġjaw il-mowbajls tagħhom mingħajr ħlas waqt li jkunu qed jivvjaġġaw.

Matul is-sena li għaddiet, ir-Rotta 133 żdiedet fil-popolarità. 60,000 passiġġier użaw din ir-rotta fl-2017 - din hija żieda ta' kważi 17,000 passiġġieri fuq is-sena ta' qabel. Din issegwi x-xejra li spikkat f'dawn l-aħħar snin peress li numru rekord ta' 48 miljun passiġġieri użaw it-trasport pubbliku fl-2017 - żieda ta' aktar minn 12% fuq l-2016.

Minbarra li hija popolari mat-turisti li jżuru l-belt kapitali, ir-Rotta 133 hija importanti għar-residenti tal-Belt, partikolarment l-anzjani, peress li tipprovdi trasport iżjed faċli bejn iċ-ċentru tal-belt, iż-żoni residenzjali ewlenin, it-terminus u l-poliklinika fil-Furjana. Barra minn hekk, il-passiġġieri li jużaw il-lanċa mis-Sliema u minn Bormla lejn Valletta qed jużaw ir-Rotta 133 biex jaslu fiċ-ċentru tal-belt u t-terminus u b’hekk jkompli jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku.

"Din il-karozza tal-linja l-ġdida se tkompli ttejjeb l-esperjenza globali tal-Belt Valletta. Ir-rotta tal-Belt Valletta tista' tkun l-iqsar rotta tagħna, iżda torbot l-erba' kantunieri tal-kapitali u qdiet 60,000 persuna s-sena l-oħra. Il-karozza tal-linja hija iktar nadifa, komda, aktar aċċessibbli u għandha kapaċità ogħla minn qatt qabel, u aħna ninsabu kunfidenti li dan se jkompli jinkoraġġixxi lil aktar u aktar nies biex jużaw il-karozza tal-linja" qal Konrad Pulé.

Lura għall-aħbarijiet