Malta Public Transport

Kampanja ġdida ta’ Child Tallinja Cards b’riżq tfal bi bżonnijiet differenti

23/06/2021

Permezz tal-Kampanja għat-Tisħiħ tat-Tfal, matul ix-xahar ta’ Lulju 2021 Malta Public Transport se tagħti il-ħlas tar-reġistrazzjoni sħiħ għal Child Tallinja Cards lill-Malta Trust Foundation. Il-kampanja tappoġġa proġett mill-fondazzjoni li qed jiġbor fondi għal apparat ta’ Augmentative and Alternative Communication (AAC) li jgħin tfal li huma nieqsa mid-dawl, fuq l-ispettru tal-awtiżmu jew non-verbali.

Child Tallinja Cards huma disponibbli għal tfal ta’ bejn l-erba’ l-għaxar snin u r-reġistrazzjoni ta’ darba ta’ €15 tagħti rata mnaqqsa ta’ 0.25c kull vjaġġ sa massimu ta’ 0.50c kull ġurnata u €2 kull ġimgħa. Apparti li ddaħħal kultura favur trasport nadif minn età żgħira, it-Tallinja Card toffri skontijiet fuq numru ta’ servizzi, inkluż il-fast ferry bejn Malta u Ghawdex.

“Permezz tat-Tallinja Card tagħhom, it-tfal jistgħu jgawdu mill-benefiċċji kollha tat-trasport pubbliku waqt li jikkontribwixxu għal inqas konġestjoni fit-toroq u kwalità ta’ arja aħjar għal kulħadd,” qal Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “Apparti dan, waħda mill-valuri prinċipali tagħna hija li nagħmlu differenza u din l-inizzjattiva hija opportunità biex it-tfal jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ tfal oħra.”

Waqt li kienet qed tindirizza l-ftuħ tal-Kampanja għat-Tisħiħ tat-Tfal, iċ-Chairperson ta’ Malta Trust Foundation l-ET Marie-Louise Colerio Preca laqgħet il-kollaborazzjoni ma’ Malta Public Transport. ““Kemm hu sabiħ li l-komunità tan-negozju tagħraf l-importanza tar-responsabbiltà li għandha lejn gruppi żvantaġġati fis-soċjetà. Il-Malta Public Transport dejjem għarfet din ir-responsabbiltà f’diversità sħiħa ta’ attivitajiet maħsuba biex twennes b’mod effettiv tfal u żgħażagħ li għandhom bżonn inizjattivi ta’ ġustizzja soċjali.

“Kemm hu sabiħ li jkunu t-tfal u ż-żgħażagħ stess li jaħsbu fi sħabhom tfal u żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna. Hekk se jiġri permezz ta din l-inizjattiva fejn tfal li jixtru Child Tallinja Card se jkunu qed jgħinu tfal u żgħażagħ li ma jarawx jew fuq l-ispettru tal-awtiżmu sabiex jingħataw apparat teknoloġiku personalizzat li jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.”

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Inizjattivi bħal dawn mhumiex biss xhieda tal-qlubija u s-solidarjetà li dejjem juri l-poplu Malti. Minn ta’ età żgħira qegħdin nagħtu lit-tfal tagħna valuri sodi mhux biss fir-rigward li jkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor iżda qegħdin nippreparaw lil uliedna sabiex jagħrfu li huma wkoll jistgħu ikunu ta’ kontribut importanti ħafna fis-soċjetà. Din hi inizjattiva li apparti li qed issir għal kawża ġusta pero nemmnu li hija pass importanti fejn se nibdew inrawwmu kultura li tippromovi trasport nadif minn ta’ età żgħira. B’dan il-mod qegħdin naraw li nissudaw il-futur ta' pajjiżna għaliex wara kollox uliedna huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada.”

Apparat ta’ Augmentative and Alternative Communication tgħolli l-kwalità tal-ħajja tat-tfal u l-familji tagħhom billi tgħinhom itejbu it-taħdit u l-iżvilupp tal-lingwa kif ukoll il-komunikazzjoni u l-litteriżmu b’mod sħiħ.

F’Settembru, it-tfal kollha li għandhom Tallinja Card se jkunu eliġibbli biex jieħdu sehem fi treasure hunt esklussiva biċ-ċans li jirbħu numru ta’ premjijiet fosthom roti u scooters. L-attività se tkun organizzata minn Malta Public Transport u se tinkoraġġixxi l-użu ta’ modi alternattivi ta’ trasport.

Reġistrazzjonijiet għal Child Tallinja Card tista’ ssir online fuq din il-paġna.

 

Lura għall-aħbarijiet