Malta Public Transport

Bdew joperaw il-karozzi tal-linja l-ġodda

08/08/2019

Minn din il-ġimgħa, min juża s-servizz tal-karozza tal-linja fuq numru ta’ rotot, beda jħoss l-effett taż-żieda sostanzjali fil-flotta tal-Malta Public Transport (MPT). Kif tħabbar nhar il-Ġimgħa li għaddiet, erbgħin (40) karozza tal-linja ġdida li huma ta’ tnax (12)-il metru tul ingħaqdu mal-bqija tal-flotta. B’din iż-żieda fil-karozzi tal-linja ser ikun possibbli li jsiru ċertu tibdiliet fin-network tat-trasport pubbliku sabiex dan ikun f’pożizzjoni aħjar biex ilaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied speċjalment fuq ċertu rotot partikolari.

Għaldaqstant wara diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-MPT, intgħażlu ħames rotot prinċipali biex tiżdidilhom il-frekwenza tagħhom. Filfatt, minn nhar it-Tnejn filgħodu, ħames rotot żiedu l-frekwenza tagħhom u għaldaqstant il-kapaċità żdiedet b’mod sostanzjali. Dan it-tibdil huwa l-ewwel minn sensiela ta’ tibdiliet li hemm pjanati Ii jiġu introdotti.

Fost il-ġimgħa, ir-rotta X4 issa se tibda topera kull kwarta fil-ħinijiet meta tintuża l-iktar. Din ir-rotta tieħdok mill-Belt Valletta sa Birżebbuġa u tgħaddi mill-Ħamrun, il-Marsa, Ħal Luqa, l-Ajruport u Ħal Far.

Dawk li joqogħdu r-Rabat, Ħ’Attard, Santa Venera u l-Ħamrun, u li jużaw ir-rotta 50, bejn il-Belt Valletta u r-Rabat, se jkollhom servizz iżjed frekwenti fil-ħinijiet l-iktar bieżla u r-rotta se tibda topera darbtejn fis-siegħa bejn l-16:00 u s-18:00 wkoll.

Il-MPT se tibda topera r-rotta 48 kull kwarta fost il-ġimgħa. Ir-rotta tieħdok minn Buġibba sal-Belt Valletta u tinkludi San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Birkirkara u l-Imsida.

Ir-rotta 63, minn Ħal Qormi għall-Belt Valletta se tibda taħdem kull 20 minuta u b’hekk iżżid il-kapaċità għal dawk li joqogħdu Ħal Qormi, kif ukoll dawk li joqogħdu jew jaħdmu f’partijiet mill-Ħamrun.

Dawn iż-żidiet ser jiġu fis-seħħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

F’Għawdex ukoll, ir-rotta 301, li taħdem bejn l-Imġarr u r-Rabat se tibda taħdem b’aktar frekwenza, biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda bejn il-port ta’ l-Imġarr u r-Rabat. Iż-żieda fil-frekwenza fuq din ir-rotta tapplika għall-ġimgħa kollha.

Transport Malta tibqa’ kommessa biex taħdem b’mod sħiħ flimkien mal-MPT favur aktar effiċjenza fis-servizz tat-trasport pubbliku.

Lura għall-aħbarijiet