Malta Public Transport

Pass ġdid ta’ €20 għas-servizz bejn Pembroke P&R u l-Università u l-Isptar Mater Dei

13/03/2019

Malta Public Transport nediet prodott ġdid biex tiffaċilita s-servizz ta’ Park and Ride bejn Pembroke u l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei: Pass ta’ €20 li jagħti lill-klijenti 30 ġurnata ta’ vjaġġar bla limitu fuq ir-Rotta TD17.

“Il-pass il-ġdid ta’ €20 fuq TD 17 joffri alternattiva eċċellenti għal min irid jipparkja u jasal faċilment l-università u l-isptar,” spjega Daniel Grech, Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Filwaqt li dawk li ma jżurux l-università u l-isptar ta’ spiss xorta jistgħu jħallsu €1.50 għal kull vjaġġ fuq it-TD17, dan il-Pass joffri aktar valur għall-istudenti u l-impjegati fl-università u fl-isptar.”

TD17 hija rotta tat-Tallinja Direct li tnediet f'Ottubru, u li tgħaqqad Pembroke Park & Ride mal-kampus tal-Università ta' Malta u l-Isptar Mater Dei. Minbarra li tieqaf fil-bus stop Qroqq (ħdejn l-iSkate Park fl-Imsida), ir-rotta ġiet estiża sal-bus stop Università 3, li tinsab ħdejn id-Day Care Unit fl-isptar. Permezz ta’ din il-bidla r-rotta issa taqdi lill-passiġġieri li jivvjaġġaw kemm lejn l-Università ta’ Malta kif ukoll lejn l-isptar Mater Dei.

Il-pass ta’ €20 jista' jinxtara onlajn fuq publictransport.com.mt u mill-uffiċċji tal-bejgħ ta’ Malta Public fit-terminus tal-Belt Valletta, f’Buġibba, fir-Rabat Għawdex, f’Tas-Sliema u fl-ajruport. Il-Pass huwa disponibbli fuq it-Tallinja Cards tal-Istudenti, tal-Adulti, tal-Għawdxin u tal-Konċessjoni.

Lura għall-aħbarijiet