Malta Public Transport

MPT żżid 50 karozza tal-linja ġdida

10/07/2020

Malta Public Transport introduċiet 50 karozza tal-linja ġdida b’investiment ta’ €11-il miljun. L-eżerċizzju qed jibdel vetturi aktar antiki b’mudelli ġodda li għandhom effiċjenza għola u kapaċità akbar, u b’hekk ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet iġġenerat mit-trasport pubbliku.

Permezz ta’ dan l-investiment, tlieta minn kull erba’ karozzi tal-linja illum għandhom inqas minn ħames snin. Fil-fatt, b’età medja ta’ erba’ snin kull vettura, il-flotta tat-trasport pubbliku f’Malta hija waħda mill-aktar moderni fl-Ewropa, fejn il-medja hija ta’ 11.4 snin.

Iċ-Chairman ta’ Malta Public Transport Felipe Cosmen iddeskriva l-introduzzjoni tal-karozzi ġodda bħala investiment fl-ekonomija u s-sostenibbiltà tal-pajjiż. “Aħna kburin bis-suċċess f’Malta,” sostna s-sur Cosmen, “Is-servizz tat-trasport pubbliku tagħna qed ikompli jitjieb fil-kwalità u qed nilħqu rati ta’ sodisfazzjon mill-klijenti simili għal dawk f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.”

Iċ-Chairman qal li l-użu tat-trasport pubbliku qed jerġa’ jiżdied wara l-effetti tal-pandemija u ħabbar li f’Lulju qed jiġu moqdija mal-100,000 passiġġier kull ġurnata.

Għall-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja ġodda kien hemm preżenti wkoll il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tat-Trasport Ian Borg.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar snin is-servizz tat-trasport pubbliku fil-gżejjer Maltin għamel qabża ta’ kwalità bis-saħħa tal-investiment kbir li kompla jsir fil-vetturi li llum huma mgħammra bl-aqwa faċilitajiet għall-passiġġieri. Huwa tenna li l-pubbliku Malti u Għawdxi illum reġa’ kiseb il-fiduċja fis-servizz tal-karozzi tal-linja.

Il-Ministru Borg faħħar l-investiment ta’ Malta Public Transport li qed jagħmel il-flotta Maltija waħda mill-aktar nodfa u l-iżgħar f’termini ta’ età għal kull karozza. Huwa qal li l-gvern huwa impenjat li iktar nies jużaw it-trasport pubbliku biex jivvjaġġaw.

Waqt l-inawgurazzjoni, is-sur Cosmen ħabbar ukoll li l-kumpanija għada kif bdiet topera servizz tat-trasport pubbliku f’Ċipru: “Grazzi għas-suċċess tagħna f’Malta, minn tmiem il-ġimgħa li għadda bdejna noperaw servizz tal-linja ġdid f’Ċipru. B’hekk irnexxielna nesportaw is-suċċess tal-mudell f’Malta lejn pajjiż Ewropew ieħor.”

Huwa fakkar li, f’dawn l-aħħar ħames snin, Malta Public Transport investiet aktar minn €50 miljun f’vetturi ġodda u żiedet aktar minn 300 karozza tal-linja ġdida li komplew itejbu l-esperjenza tal-passiġġiera b’livelli ekoloġiċi u ta’ sigurtà aktar għoljin.

Lura għall-aħbarijiet