Malta Public Transport

Aktar vantaġġi bit-Tallinja Card: 20% skont fuq Ioscoot

01/07/2019

Dawk li għandhom Tallinja Card issa jistgħu igawdu minn roħs ta’ 20% fuq vjaġġi bl-Ioscoot, b’rata ta’ servizz speċjali ta’ 20 ċenteżmu fil-minuta biss. Permezz ta’ ftehim bejn Malta Public Transport u Ioscoot, aktar minn 320,000 persuna li għandhom Tallinja Card personalizzata jistgħu iħallsu għas-servizz tal-Ioscoot direttament mill-kreditu fil-kont tagħhom.

Dawk li għandhom Tallinja Card għandhom sempliċiment jirreġistraw it-Tallinja Card tagħhom bħala l-metodu ta’ pagament fuq l-app Meep u jibdew minnufih jibbenefikaw mir-rati vantaġġużi li jitħallsu mill-kreditu fil-kard personalizzata tagħhom.

Ioscoot toffri mod konvenjenti kif tivvjaġġa bi flotta ta’ muturi elettriċi. Permezz tal-app Meep, il-klijenti jistgħu isibu l-eqreb mutur elettriku, jattivawh u jsuqu sad-destinazzjoni tagħhom. Huma jħallsu biss tal-ħin tal-vjaġġ – mingħajr ebda abbonament jew ħlas ulterjuri.

“Wara s-suċċess bl-integrazzjoni tat-Tallinja Card mal-Valletta Ferry Services u Tallinja Bike, issa qed noffru lill-klijenti tagħna aktar valur u għażla akbar ta’ vjaġġar,” spjega Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Dan il-ftehim huwa sinjal ċar tal-impenn tagħna għal trasport alternattiv b’mezzi differenti billi nagħmluha aktar faċli għall-passiġġiera tat-trasport pubbliku li jużaw mezzi oħra ta’ trasport.”

Il-flotta ta’ muturi elettriċi ta’ Ioscoot bħalissa hija stazzjonata f’San Ġiljan, Tas-Sliema, l-Imsida, u l-Belt Valletta, iżda l-passiġġieri mhumiex marbuta li jsuqu biss f’dawn iż-żoni. Huma jistgħu jattivaw il-muturi minn fuq l-app Meep, u jistgħu wkoll iġorru passiġġier ieħor magħhom. L-elmu jkun pprovdut għalihom fil-mutur stess.

Lura għall-aħbarijiet