21/01/2020
Malta Public Transport inawgurat l-ewwel karozza tal-linja f’Malta li taħdem kompletament bl-elettriku, fi proġett bi sħab ma’ Transport Malta u TAM-Europe. Il-mudell Vero 9 se jibda fażi ta’ prova sabiex tkun tista’ tiġi evalwata il-prestazzjoni tal-magna 100% elettrika fuq it-toroq Maltin.
Dan il-proġett pilota se jistħarreġ kif taħdem il-karozza fil-kundizzjonijiet reali u lokali, b’attenzjoni speċjali għall-karatteristiċi partikolari ta’ Malta fosthom id-distanza relattivament qasira bejn waqfa tal-linja u oħra, u l-frekwenza ta’ tlajja u nżul. Malta Public Transport se taħdem id f’id mal-manifatturi fuq l-iżvilupp tal-karozza sabiex tiżgura li din tkun tilħaq l-aspettattivi kemm fl-istandards ambjentali kif ukoll fl-esperjenza tal-klijenti.
Matul il-perjodu ta’ prova, il-karozza elettrika se topera b’mod parallel mas-servizz attwali hekk kif il-kumpanija tkun qed tosserva il-vjaġġi fiċ-ċirkustanzi ta’ kuljum u tieħu ir-reazzjonijiet tal-passiġġiera u x-xufiera.
“Malta Public Transport hija kburija li tifforma parti minn din l-inizjattiva ta’ trasport pubbliku nadif hekk kif tkompli taħdem biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-gżira tagħna,” qal iċ-chairman ta’ MPT Felipe Cosmen. Huwa tenna li l-kumpanija issegwi kontinwament żviluppi ta’ soluzzjonijiet innovattivi li joffru alternattiva konvenjenti għat-trasport privat.
Sa mill-bidu tal-operat tagħha fl-2015, Malta Public Transport biddlet il-flotta eżistenti b’aktar minn 250 karozza tal-linja ġdida mgħammra b’magni l-aktar avvanzati Euro 6, biex b’hekk illum għandha waħda mill-aktar flotot ġodda u nodfa fl-Ewropa kollha.
“Is-sostenibbiltà hija prijorità għolja għalina u aħna mpenjati li noperaw b’mod li huwa ambjentalment responsabbli,” spjega s-sur Cosmen.
L-inizjattivi sostenibbli tal-kumpanija jmorru lil hinn mill-karozzi nfushom u MPT għandha programm sħiħ ta’ riċiklaġġ ta’ skart fejn tirriċikla prodotti bħal żjut u likwidi oħra, partijiet minn magni, roti u materjali oħra skont l-għola standards fl-industrija. L-esperjenza internazzjonali ta’ Malta Public Transport tippermettilha li timplimenta soluzzjonijiet ġodda fl-industrija tat-trasport biex tilħaq il-bżonnijiet ta’ Malta.
Is-sur Joseph Bugeja, Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta qal li l-inizjattiva hija sinjal ċar tal-kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-awtorità u l-operatur biex ikomplu jtejbu s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta. “Iż-żieda fil-passiġġieri sena wara sena hija sinjal tas-suċċess fit-trasport pubbliku, fil-fatt matul l-2019, is-servizz ġie użat numru rekord ta’ aktar minn 58 miljun passiġġier.”
Lura għall-aħbarijiet