22/01/2021
Bħala l-operatur ewlieni fil-qasam tat-trasport sostenibbli, Malta Public Transport investiet f’teknoloġija avvanzata li ttejjeb il-prestazzjoni tax-xufiera biex tiżdied l-effiċjenza u s-sigurtà. Is-sistema tagħti informazzjoni real-time fuq is-sewqan u tkejjel l-indikaturi prinċipali bħall-konsum tal-fuel, skossi matul is-sewqan, u sinjali ta’ inċidenti.
Wara perjodu ta’ prova intensiv, it-teknoloġija ġiet introdotta għax-xufiera kollha fl-2020. Is-sewwieqa issa jistgħu jaraw l-istatistiċi personali tagħhom permezz ta’ rapport iġġenerat kull xahar u Malta Public Transport toffri taħriġ speċjalizzat skont il-bżonnijiet partikolari tagħhom, filwaqt li tippremja lix-xufiera li jilħqu livelli ta’ eċċellenza.
“Din is-sistema ġdida qed tgħinna nirfinaw is-servizz tagħna biex inkomplu ntejbu l-esperjenza tal-passiġġiera u nsaħħu l-involviment tal-impjegati fl-istess ħin,” qal David Alvarez, id-Direttur tal-Operazzjonijiet ta’ Malta Public Transport. Huwa ddeskriva kif is-sewwieqa janalizzaw ir-riżultati tal-vjaġġi tagħhom stess u jqabbluhom ma ta’ kollegi l-oħra.
Mgħammra b’informazzjoni preċiża dwar ir-rata ta’ aċċelerazzjoni, braking, u dettalji oħra, ix-xufiera ta’ Malta Public Transport issa jistgħu jirranġaw is-sewqan tagħhom biex jikkunsmaw il-fuel b’mod aktar responsabbli u jnaqqsu it-total ta’ emissjonijiet b’mod sostanzjali.
Il-fotta ta’ karozzi tal-linja ta’ Malta Public Transport hija diġà fost l-aktar ġodda fl-Ewropa, bl-aħħar żieda ta’ vetturi b’magni Euro VI introdotta biss is-sajf li għadda. Dan l-investiment ġdid huwa pass ieħor fl-impenn biex ikomplu jonqsu l-emissjonijiet.
Minnbarra anqas ħela ta’ fuel, is-sistema intelliġenti tavża lix-xufiera dwar riskji li jista’ jkun hemm fit-triq biex tiġi żgurata aktar sigurtà. Din twassal għal esperjenza aħjar għall-passiġġiera.
“Is-sigurtà hija l-ewwel prijorità tagħna, u din l-għodda innovattiva se tkompli ttejjeb ir-rekord ta’ suċċess li ksibna f’dan ir-rigward,” tenna s-sur Alvarez, waqt li nnota kif it-teknoloġija diġà wasslet għal tnaqqis fir-rata ta’ inċidenti f’dawn l-aħħar xhur.
Il-kumpanija osservat riżultati tajbin fl-indikaturi kollha minn mindu bdiet tintuża din is-sistema: “Ir-reazzjoni immedjata kienet impressjonanti hekk kif ix-xufiera ħadu minnufih responsabbiltà tal-aspetti li kienu jeħtieġu attenzjoni fis-sewqan tagħhom u fittxu li jgħollu l-kwalità tal-prestazzjoni tagħhom,” spjega d-Direttur tal-Operazzjonijiet. “Grazzi għal din it-teknoloġija, is-sewwieqa rawwmu apprezzament ġdid tal-irwol kruċjali tagħhom biex il-passiġġiera jkollhom servizz ta’ livell għoli b’mod konsistenti u biex ikompli jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport pubbliku.”
Lura għall-aħbarijiet