Malta Public Transport

Tnedija tar-Road Safety Trip Campaign

31/10/2017

Malta Public Transport, b'kollaborazzjoni ma’ Fundación MAPFRE, illum nediet kampanja dwar is-sigurtà fit-triq, bl-ewwel sessjoni ssir fil-Kulleġġ San Benedittu fiż-Żurrieq.

Matul ix-xhur li ġejjin, Malta Public Transport ser iżżur skejjel primarji differenti sabiex tagħti preżentazzjonijiet informattivi dwar l-importanza tas-sigurtà fit-toroq. Ir-rappreżentanti tal-Malta Public Transport ser jagħtu preżentazzjonijiet interattivi li huma magħmula apposta għal udjenza żgħira.

It-tfal tal-iskola primarja ser ikollhom l-opportunità li jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja, sabiex jitgħallmu kif jużaw it-trasport pubbliku b'mod sikur. It-tfal kollha tal-iskola li sejrin jipparteċipaw f’dawn l-avvenimenti ser ikollhom ukoll l-opportunità li japplikaw mingħajr ħlas għat-tallinja child card, li fiha d-disinn il-ġdid.

L-istudenti li jipparteċipaw f'din l-attività ser jirċievu wkoll ktieb illustrat bl-isem "Julia, Penguin and the Spy" ta’ Carlo Frabetti. Din il-pubblikazzjoni hija proġett edukattiv mill-Fundación MAPFRE u għandha l-għan li tevita inċidenti tat-tfal u tippromwovi s-sigurtà fit-toroq fl-ambjent edukattiv.

Is-Sur Paul Sammut, Kap tal-Kulleġġ ta' San Benedittu, stqarr: "Din hija inizjattiva tassew mill-aqwa tal-Malta Public Transport. Huwa ta' pjaċir għall-iskola tagħna li tipparteċipa f'inizjattivi interessanti bħal dawn li għandhom skop edukattiv u jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq ". Is-Sur Daniel Grech, Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, żied jgħid li l-kumpanija qiegħda dejjem tfittex modi u mezzi ġodda biex ittejjeb il-livelli tas-sigurtà fit-toroq tagħna filwaqt li tenfasizza l-importanza tar-rispett reċiproku bejn il-passiġiera tal-karozzi tal-linja u s-sewwieqa.

Is-Sur Felipe Navarro, il-Kap Eżekuttiv ta' MAPFRE Middlesea, spjega li dan huwa proġett edukattiv ieħor sponsorjat minn Fundación MAPFRE, wara l-iStreet Smart School Campaign, li ila għaddejja għal tliet snin f'ħafna mill-iskejjel f'Malta. "Issa bl-għajnuna u l-kompetenza tal-Malta Public Transport nimmiraw li ntejbu l-esperjenza tat-tfal fit-triq u nisperaw li nħeġġu aktar għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq" qal is-Sur Navarro.

Din l-inizjattiva hija miftuħa għall-iskejjel pubbliċi kollha, tal-knisja u dawk privati f'Malta. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb billi tibgħat email lil safetycampaign@publictransport.com.mt.

Lura għall-aħbarijiet