Malta Public Transport

Issa tista’ tivvjaġġa madwar il-Belt Valletta m’bod aktar faċli permezz tat-Tallinja Bike

13/08/2018

Tallinja Bike, sistema ġdida ta’ bike sharing li topera fil-Belt Valletta tnediet nhar it-Tnejn 13 ta' Awwissu 2018. B’konnessjoni diretta ma’ mezzi oħra ta’ trasport pubbliku, it-Tallinja Bike ser tiffaċilita l-ivvjaġġar madwar il-belt kapitali.

“Wara li l-kollaborazzjonijiet riċenti mal-Valletta Ferry Services u l-motorbike sharing Ioscoot kienu ta’ suċċess, aħna għal darb'oħra qed nikkollaboraw ma’ servizz ġdid ta’ mobbiltà - Tallinja Bike - li huma roti elettriċi disponibbli fil-Belt għall-użu ta kulħadd,” spjega Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport.

“Din is-sena, waqt li l-Belt Valletta qed tiġi ċċelebrata bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, irridu noffru aktar għażla lil passiġġieri tagħna ta’ kif jivjaġġaw ġewwa l-belt. Aktar kmieni din is-sena investejna f’karozza tal-linja ġdida iddedikata fuq ir-rotta tal-Belt Valletta. Nedejna wkoll il-Valletta Card, li toffri aċċess għall-mużewijiet kif ukoll meżżi differenti tal-ivjaġġar, kollha fuq l-istess card. Issa qed nissieħbu ma’ Tallinja Bike, sabiex noffru lill-klijenti tagħna l-għażla li jivvjaġġaw madwar il-belt fuq roti elettriċi.”

Tallinja Bike hija faċli biex tużaha, u għalhekk hi ideali kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti. Ladarba tapplika permezz tat-Tallinja App jew f’waħda mid-docking stations madwar il-Belt, tista’ tieħu waħda mill-40 rota biex tivjaġġa ġewwa l-Belt Valletta u fil-viċinanzi. Meta tlesti l-vjaġġ, tista’ tirritorna t-Tallinja Bike f’docking station ieħor, u tħallas għall-ħin li tkun użajt ir-rota.

Bħalissa hemm tliet docking stations: l-ewwel waħda tinsab fil-venda tal-Belt Valletta; it-tieni ħdejn il-laneċ li jivjaġġaw lejn il-Birgu u l-lift tal-Barrakka; u t-tielet ħdejn Fort St. Elmo. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu installati żewġ docking stations oħra fiċ-ċentru tal-Belt kif ukoll ħdejn il-laneċ li jivjaġġaw lejn tas-Sliema.

“Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni ġdida ma’ Tallinja Bike, qed nipprovdu mezz ta’ trasport li hu tajjeb għas-saħħa, nadif u divertenti li bih tivjaġġa madwar il-Belt Valletta, fil-waqt li effettivament nestendu t-trasport pubbliku ġol-qalba tal-belt kapitali tagħna."

Il-vjaġġi fuq it-Tallinja Bike jiswew €3 għall-ewwel 30 minuta, u b’hekk dan il-mezz ta’ trasport alternattiv huwa affordabbli. Bħala offerta introduttorja, kull min għandu Tallinja Card qed jiġi offrut skont ta’ 50% matul l-ewwel tliet xhur. L-ebda liċenzja ma hija meħtieġa biex issuq dawn ir-roti elettriċi iżda s-sewwieqa jrid ikollhom 18-il sena jew aktar.

Lura għall-aħbarijiet