Malta Public Transport

Issa tista’ tibbukja post fuq il-karozza tal-linja permezz ta’ TD Plus

31/05/2019

Malta Public Transport tniedi servizz ġdid b'sitt karozzi tal-linja ġodda li ser jopera bejn San Ġiljan u l-Belt Valletta

Malta Public Transport introduċiet servizz innovattiv ġdid li joffri lill-klijenti l-possibbiltà li jibbukkjaw post fuq waħda mill-karozzi tal-linja l-ġodda permezz tat-Tallinja App, li ġiet aġġornata. TD Plus huwa proġett pilota li permezz tiegħu il-passiġġieri jistgħu jagħżlu l-ħin u minn fejn u sa’ fejn jixtiequ jivjaġġaw. Is-sistema awtomatikament tiċċekkja l-aqwa vjaġġ disponibbli u tipprovdi konferma lill-passiġġier bi d-dettalji tal-vjaġġ tagħhom.

“Dan huwa metodu kompletament ġdid għat-trasport pubbliku u r-rispons li rċivejna wara perjodu intensiv ta’ ittestjar fil-ġimgħat li għaddew kien inkoraġġanti ħafna,” qal Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “It-trasport pubbliku qed jevolvi madwar id-dinja, u aħna rridu nkunu fuq quddiem billi noffru lill-passiġġieri modi innovattivi u konvenjenti ta’ vjaġġar madwar Malta. Dan huwa proġett eċitanti ħafna u nittamaw li nirċievu aktar suġġerimenti biex inkomplu ntejbu dan is-servizz ġdid.”

TD Plus hija sistema kompletament ġdida għal Malta. L-operatur tat-trasport pubbliku ngħaqad ma’ Ecolane, li hija kumpanija li tipprovdi software speċjalliżat, biex tipprovdi dan is-servizz innovattiv. TD Plus tuża teknoloġija li tqabbel it-talbiet magħmula minn passiġġieri differenti u awtomatikament tagħżel l-iktar rotta effiċjenti. Dan is-servizz joffri aktar flessibilità, iktar kumdità u valur miżjud, filwaqt li jiffranka l-ħin. Il-klijenti jistgħu jibbukkjaw numru ta’ passiġġieri fuq vjaġġ wieħed, u jitolbu aċċess għal siġġijiet tar-roti jew pushchairs. Is-sistema tibgħat ukoll notifiki biex tgħarraf lill-passiġġieri li l-karozza tal-linja qiegħeda fi triqtha lejn il-bus stop.

“Għandna pjaċir bl-isħubija ma’ Malta Public Transport għas-servizz TD Plus,” qal Steve Ross, CEO ta' Ecolane. "Hekk kif is-servizzi ta’ microtransit ikomplu jevolvu, Ecolane tirsisti biex tipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovattivi, li jtejbu l-għażliet ta' mobbiltà u l-impenn fill-komunità, għal persuni li kieku ma jkollhomx aċċess, speċjalment meta jiġu offruti b'mod inklużiv bħala parti mit-trasport pubbliku."

Malta Public Transport inizjalment qed topera s-servizz TD Plus fuq numru ta’ bus stops fil-lokalitajiet li ġejjin: Il-Belt Valletta, il-Furjana, Il-Pietà, Blata l-Bajda, L-Imsida, San Ġwann, San Ġiljan, Is-Swieqi u Pembroke. Is-servizz huwa disponibbli kuljum bejn 05:30 u 22:30.

Bħala offerta speċjali ta’ introduzzjoni matul ix-xahar ta’ Ġunju, is-servizz se jkun disponibbli b’noll ta’ €2 għal kull vjaġġ għal dawk il-klijenti kollha li jibbukkjaw permezz tat-Tallinja App. Il-klijenti jistgħu jagħżlu li jħallsu għall-vjaġġ tagħhom bil-kreditu fuq il-Tallinja Card tagħhom, jew jużaw il-karta tal-kreditu tagħhom.

Il-flotta tinkludi sitt minibuses primjum ġodda li huma baxxi u aċċessibbli għal kollox. Il-passiġġiera jsibu wkoll servizz tal-Wi-fi b’xejn u USB charging points għal iktar konvenjenza. Il-minibuses jistgħu jakkomodaw sa’ 16-il passiġġier.

Dan is-servizz innovattiv jifforma parti mill-istrateġija ta’ Malta Public Transport biex toffri soluzzjonijiet ta’ mobbiltà affidabbli lill-klijenti, u tħeġġeġ aktar u aktar nies biex jużaw it-trasport pubbliku bħala alternattiva vijabbli għall-karozzi privati. It-Tallinja App hija disponibbli b’xejn fuq l-App Store u Google Play Store. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq https://www.publictransport.com.mt/en/td-plus-info.

Lura għall-aħbarijiet