12/12/2016
Malta Public Transport ser tagħti donazzjoni mill-bejgħ tal-biljetti lill-Istrina
Il-Malta Community Chest Fund Foundation b’kollaborazzjoni ma’ Malta Public Transport ħabbret inizzjattiva ġdida msejjħa “B’tal-linja għall-Istrina” li ser isseħħ nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2016. Permezz ta’ din l-inizzjattiva, il-Kumpanija ser tkun qed tagħti donazzjoni tal-prezz sħiħ li l-passiġġiera jħallsu dakinhar għall-ewwel vjaġġ tagħhom meta jużgħu it-tallinja card tagħhom jew meta jixtru biljett mingħand ix-xufier. Dan ifisser li n-nies kollha li ser jivvjaġġaw b’tal-linja f’din il-ġurnata ser jgħinu biex jinġabru l-flus għall-karità.
“L-impjegati tagħna dejjem ingħaqdu biex jiġbru l-flus għal min hu fil-bżonn, u din is-sena bħala kumpanija iddeċidejna li noħolqu inizzjattiva ġdida biex nħajjru lin-nies jivvjaġġaw magħna għall-Istrina,” ħabbar Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport.
“L-Istrina hija okkazzjoni nazzjonali li tressaqna lkoll flimkien biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Għalhekk xtaqna li ninvolvu kemm lill-ħaddiema tagħna, kif ukoll lill-passiġġiera tagħna li se jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom meta jaqbdu tal-linja.”
L-eċċellenza tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta irringrazzjat lil Malta Public Transport għal din l-inizzjattiva li żgur se tkun qed tgħin lill-Maltin u Għawdxin li jfittxu l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund Foundation.
Id-donazzjoni ser tkun ibbażata direttament fuq l-ammont li jiġi mħallas minn dawk li għandom tallinja cards u n-numru ta’ biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozzi tal-linja. Passiġġieri li jużgħu l-Adult, Student jew Gozo tallinja card iħallsu €0.75c għal kull vjaġġ, waqt li dawk li għandhom Concession jew Child tallinja card iħallsu €0.25c. Il-passiġġiera kollha jistgħu ukoll jagħżlu li jixtru biljett minn fuq il-karozza tal-linja bil-prezz ta’ €1.50c.
Termini u kundizzjonijiet:
Tallinja card: Il-Kumpanija ser tkun qed tagħti donazzjoni tal-prezz sħiħ li l-passiġġiera jħallsu dakinhar għall-ewwel vjaġġ tagħhom.
Cash tickets: Il-Kumpanija ser tkun qed tagħti donazzjoni tal-prezz sħiħ li l-passiġġiera jħallsu dakinhar għal 50% tal-biljetti li jinxtraw dakinhar.
Explore card u 12 day journey card: Vjaġġi li jsiru b’dawn il-cards mhumiex inklużi f’din l-inizzjattiva.
Lura għall-aħbarijiet