Malta Public Transport

Tifla ta’ 9 snin tirbaħ kompetizzjoni tat-tpinġija

26/06/2017

Anthea Mamo, li għandha 9 snin u tattendi l-iskola primarja fiż-Żurrieq, hija r-rebbieħa tat-Tallinja Drawing Competition li ġiet organizzata mill-Malta Public Transport, u t-tpinġija tagħha se tkun stampata fuq it-tallinja cards tat-tfal il-ġodda. It-tpinġija ta’ Anthea, li kienet ikkunsidrata bħala l-aktar interessanti, kreattiva u oriġinali, ġiet magħżula fost aktar minn 400 tpinġija mingħand tfal li jattendu 22 skola primarja madwar Malta u Għawdex.

 

“Ħadna gost li kien hemm konkorrenza daqshekk kbira għal din il-kompetizzjoni, b’varjetà ta’ tpinġijiet li urew l-imaġinazzjoni u t-talent tat-tfal,” saħaq Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “Nixtiequ nirringrazzjaw lill-iskejjel kollha li ipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni u tas-sapport tagħhom f’din l-inizjattiva.”

 

Din il-kompetizzjoni kienet miftuħa għat-tfal li għandhom bejn 5 u 10 snin. Minbarra li se jkollha t-tpinġija tagħha stampata fuq it-tallinja cards il-ġodda, Anthea rebħet ukoll premjijiet sbieħ bħal sena ta’ vjaġġar b’xejn fuq il-karozza tal-linja, set tal-arti, Maxi Micro Scooter u 3D Printer għall-iskola li fiha tattendi.

 

Żewġ premjijiet ta’ konsulazzjoni intrebħu minn Kirsten Azzopardi minn St. Joseph Schoool fil-Blata l-Bajda u Faye Galea minn St. Dorothy’s Junior School f’Ħaż-Żebbuġ. Dawn it-tfal rebħu Maxi Micro Scooter u 3D printer għall-iskola tagħhom.

 

Iċ-ċerimonja li fiha jintqassmu r-rigali se tiġi organizzata f’Ottubru u dakinhar tiġi wkoll mniegħda t-tallinja card tat-tfal il-ġdida. Malta Public Transport tifraħ lit-tfal kollha li ipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, li kollha se jirċievu ċertifikat u tifkira tal-parteċipazzjoni.

 

 

Lura għall-aħbarijiet