Malta Public Transport

Malta Public Transport tilqa’ lill-50,000,000 passiġġier

07/12/2018

Rekord ġdid għal Malta Public Transport

Malta Public Transport wasslet il-50 miljun passiġġier tagħha il-Ħamis 6 ta’ Diċembru, b’rekord ġdid għat-trasport pubbliku f’Malta.

“Ħamsin miljun passiġġier f’sena waħda hija kisba importanti għall-operat tagħna f’Malta. L-istrateġija tagħna kienet dejjem waħda li nieħdu vantaġġ mill-esperjenza internazzjonali tagħna u nadattawha għall-kuntest lokali, u kburin li llum ilħaqna dawn ir-riżultati pożittivi” qal Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport.

Din kienet sena rekord oħra għat-trasport pubbliku f’Malta, bin-numri stmati li jaqbżu il-52 milun sal-aħħar tas-sena. Dawn il-figuri jfissru li Malta Public Transport rreġistrat żieda ta’ 30 fil-mija fil-passiġġieri mill-2015, l-ewwel sena ta’ operat. Iż-żieda fil-passiġġieri saret fil-kategoriji kollha, kemm resident, kif ukoll turisti.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali tenna “Dan il-Gvern jemmen li t-trasport pubbliku huwa mezz importanti li jista’ jgħin fl-isfida tal-konġestjoni u tat-traffiku. Nemmnu wkoll illi t-trasport pubbliku mingħajr ħlas għandu jkun ta’ benefiċċju għal bosta familji u ġħalhekk kif fis-sena 2017, tajna t-trasport b’xejn liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena, matul is-sena 2018, estendejna din l-iskema u inkludejna lil dawk kollha li għandhom minn 16 sa 20 sena. Kienet inizjattiva li ħalliet riżultati importanti - inizjattiva li tfisser li aktar minn 21,000 żagħżugħ u żagħżugħa ffrankaw aktar minn €1.5 miljun u gawdew minn aktar minn 3.6 miljun vjaġġ b’xejn. U għalhekk iddeċidejna li nkomplu nibnu fuq dawn is-suċċessi u fis-sena 2019 ser inkunu qed nallokaw iktar minn €3 miljun biex nagħtu t-trasport pubbiku b’xejn lil kull min għandu bejn 14 u 20 biex issa l-benefiċċju ta’ din il-miżura jgawdu minnha iktar minn 27,000 żagħżugħ u żagħżugħa. Dan flimkien mal-fatt li ser inkunu qed nagħtu anke l-istess benefiċċju lil kull min għandu ‘l fuq minn 20 sena u qiegħed jistudja full time filwaqt li qegħdin ukoll niddiskutu mal-entitajiet konċernati biex inkunu nistgħu noffru anke trasport b’xejn lil min għandu diżabilità. Il-ħidma tagħna ser tkompli kemm biex inkomplu intejbu dawn il-numri flimkien ma’ ħidma mal-operatur biex dan is-servizz ikompli jitjieb.”

Kathleen ingħatat sorpriża meta ġiet ippreżentata bi btala fi Spanja għal tnejn min-nies kif ukoll sena vjaġġi b’xejn ma’ Malta Public Transport. Il-passiġġiera kienet milqugħa fil-venda tal-Belt mill-General Manager ta’ Malta Public Transport Konrad Pulé, li ppreżentalha r-rigal.

“Nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tagħna li, mingħajr id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom, dan is-suċċess ma kienx ikun possibbli,” tenna s-sur Pulé. “Nirringrazzja wkoll lill-klijenti kollha u niżgurahom li se nkomplu naħdmu sabiex nibqgħu ntejbu s-servizz tagħna.

 

Lura għall-aħbarijiet