Malta Public Transport

Għin dawk fil-bżonn billi taqbad tal-linja nhar is-Sibt li ġej

14/12/2019

Il-President George Vella ħabbar li r-raba’ edizzjoni ta’ B’Tal-Linja għall-Istrina se ssir nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru.

In-nollijiet tal-ewwel vjaġġi li jagħmlu l-passiġġiera fuq kwalunkwe rotta tal-korozzi tal-linja se jingħataw bħala donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund Foundation waqt l-Istrina. L-inizjattiva tapplika għall-ewwel vjaġġi li jitħallsu permezz tat-Tallinja Cards ippersonalizzati, kif ukoll nofs il-biljetti kollha li jinxtraw fuq tal-linja stess.

“Malta Public Transport hija waħda mill-kumpaniji ewlenin f’Malta, u ghaldaqstant, nixtiequ nagħtu eżempju b’dak li nagħmlu ghax il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-ambjent huma fatturi importanti ħafna għalina. L-Istrina saret karatteristika ta’ dan l-istaġun f’Malta u aħna kburin li, għal darb’oħra, qed nappoġġaw dawk il-familji u l-individwi li jibbenefikaw minn din l-inizjattiva daqstant importanti,” qal Konrad Pulé, il-General Manager ta’ MPT.

“Meta wieħed jivjaġġa bil-karrozza tal-linja nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru mhux biss ikun qiegħed inaqqas il-konġessjoni u l-emissjonijiet mit-toroq tagħna, imma jkun ukoll qed jgħin għal għan siewi minħabba li parti mit-tariffa tal-vjaġġ se tmur direttament għall-Istrina. Aktar ma jivjaġġaw nies b’tallinja nhar is-Sibt, aktar se jibbenefikaw nies li huma fil-bżonn.”

Il-President George Vella rringrazzja lid-diretturi tal-Malta Public Transport talli organizzaw din l-inizjattiva u għall-isforzi li qed jagħmlu biex jappoġġjaw lill-Istrina u l-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

“Il-kontribuzzjoni tagħhom hija strumentali biex tiżgura li aktar nies jibbenefikaw mill-assistenza u jtejbu l-kwalità tal-ħajja li jgħixu.  Intom għandkom tħossukom kburin talli qed tkunu xempju tal-impenn soċjali li qed turu għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

In-nollijiet għall-passiġġieri mhumiex se jkunu affettwati u r-rati regolari se jibqgħu japplikaw: Child u Concession Tallinja Cards jiswew €0.25 kull vjaġġ; Tallinja Cards tal-Adulti, Studenti u Għawdex jiswew €0.75 kull vjaġġ; u biljetti minn fuq tal-linja jiswew €1.50 kull vjaġġ.

Lura għall-aħbarijiet